Saturday, November 23, 2024

Il-Bank Ċentrali jindika li l-ekonomija se tintlaqat b’mod sever mill-pandemija tal-Covid-19

Aqra wkoll

It-tkabbir ekonomiku ta’ Malta mistenni li jkun affettwat b’mod sever mill-pandemija tal-Covid-19 u l-miżuri li kellhom jiddaħħlu fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-virus.

Dan joħroġ minn studju ppubblikat mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, li jagħrbel żewġ xenarji possibbli, bl-ewwel idur mas-suċċess tal-miżuri introdotti, u bit-tieni xenarju jieħu inkunsiderazzjoni t-tieni mewġa ta’ każi ġodda ta’ Covid-19.

Fix-xenarju ta’ referenza fejn il-miżuri kienu mill-inqas meqjusin li kienu parzjalment ta’ suċċess, il-Prodott Domestiku Gross kien se jirreġistra tnaqqis ta’ 4.8% fl-2020, filwaqt li jirreġistra tkabbir ta’ 5.8% u 4.2% għas-sentejn ta’ wara. Minkejja l-irkupru ekonomiku l-attività ekonomika mistennija li tkun 6% inqas minn dak stmat qabel il-pandemija tal-Covid-19.

Fix-xenarju l-aktar sever li jieħu inkunsiderazzjoni t-tieni mewġa ta’ każi ta’ Covid-19, il-Bank Ċentrali jistma li l-PDG kien se jonqos bi 8.3% għal din is-sena, u jirreġistra tkabbir ta’ 6.8% u 3.8% matul l-2021 u l-2022 rispettivament. F’dan ix-xenarju il-livell ta’ PDG se jkun madwar 9% inqas mit-tbassir tal-Bank Ċentrali f’Marzu, bil-livell tal-2019 se jintlaħaq sal-aħħar tal-2022.

Sport