Friday, December 13, 2024

Il-Bank Ċentrali jipproġetta tkabbir ekonomiku qawwi għas-snin 2021-2024

Aqra wkoll

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta qed jistenna li l-prodott domestiku gross (PDG) ta’ Malta jikber b’mod sostanzjali fl-erba snin bejn l-2021 u l-2024. Fil-fatt it-tkabbir imbassar hu ta’ 6.0% fl-2021, 6.5% fl-2022, 5.3% fl-2023 u 3.8% fl-2024. Meta mqabbel mat-tbassir preċedenti tal-Bank, it-tkabbir fil-PDG qed jiġi rivedut ’il fuq b’0.9 ta’ punt perċentwali fl-2021, b’0.7 ta’ punt perċentwali fl-2022, u b’0.5 ta’ punt perċentwali fl-2023.

Ir-reviżjoni ’l fuq fl-2021 u l-2022 hija xprunata primarjament minn tkabbir aktar b’saħħtu fl-investiment u l-konsum tal-Gvern, u minn irkupru aktar b’saħħtu fil-konsum privat. Barra minn hekk, kif hu mistenni t-turiżmu kien aktar pożittiv fl-2021 milli kien antiċipat qabel, għalkemm ir-reviżjoni ’l fuq hija megħluba minn reviżjoni qawwija ’l isfel fl-esportazzjoni tal-merkanzija. Fl-2023, ir-reviżjoni ’l fuq hija xprunata primarjament minn konsum privat ogħla hekk kif huwa previst li jkun hemm tkabbir aktar qawwi fid-dħul mix-xogħol fl-2021 u l-2022.

Din is-sena t-tkabbir ekonomiku kif kien mistenni kien xprunat mid-domanda domestika. L-esportazzjoni netta hija mistennija li tħalli impatt negattiv ferm iżgħar fuq it-tkabbir fil-PDG meta mqabbel mal-2020, hekk kif id-domanda minn barra qed tirkupra. Fis-snin ta’ wara, id-domanda domestika hija prevista li tkompli tixpruna t-tkabbir fl-attività ekonomika, speċjalment minħabba tkabbir fil-konsum privat. Fl-istess waqt, il-kontribut tal-esportazzjoni netta huwa mistenni li jsir pożittiv, u dan jirrifletti n-normalizzazzjoni fit-turiżmu u t-tkabbir kontinwu fid-domanda minn barra.

Is-suq tax-xogħol baqa’ b’saħħtu fl-2021, iżda n-nuqqas ta’ ħaddiema sar aktar rilevanti din is-sena, parzjalment minħabba l-impatt tar-restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar fuq il-migrazzjoni. Huwa mbagħad mistenni li jikber aktar malajr fl-2022 fid-dawl tal-aċċellerazzjoni prevista fl-attività ekonomika, u jonqos fis-sentejn ta’ wara. Ir-rata tal-qgħad mistennija tilħaq it-3.4% sal-2022, u dan ifisser livell storiku baxx għal Malta. Fid-dawl ta’ suq tax-xogħol pjuttost ristrett, it-tkabbir fil-pagi huwa previst li jibqa’ jiżdied matul il-perjodu tat-tbassir.

Il-Bank Ċentrali qed ibassar ukoll li l-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur tinżel għal 0.7% fl-2021, minn 0.8% fl-2020, primarjament minħabba fatturi metodoloġiċi u tekniċi. L-inflazzjoni ġenerali mkejla skont l-HICP mistennija taċċellera għal 2.1% s-sena d-dieħla, minħabba l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni kif ukoll minħabba li hu mistenni li l-attività ekonomika tirpilja. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-importazzjoni hi prevista li tinnormalizza xi ftit u għalhekk, l-inflazzjoni mistennija tinżel għal 1.8% sal-2024. 

Il-politika fiskali hija mbassra li tibqa’ espansiva ħafna parzjalment xprunata mill-estensjoni tal-għajnuna relatata mal-COVID-19. Id-defiċit tal-gvern huwa mistenni li jonqos sostanzjalment matul il-kumplament tal-perjodu tat-tbassir hekk kif jiskadu l-miżuri tal-COVID-19 u jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet makroekonomiċi. Sal-2023, huwa mistenni li defiċit tal-gvern jonqos għal 3.1% tal-PDG. 

Ekonomija

Sport