Saturday, November 23, 2024

Il-Bank Ċentrali jistma li l-miżuri li ħa l-Gvern kabbru l-ġid nazzjonali bi 3%

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-analisti tal-Bank Ċentrali jinnutaw ukoll li l-andament ekonomiku f’pajjiżna se jkun ferm aħjar minn dak ta’ pajjiżi oħra fiż-żona ewro.

Fit-tbassir tagħhom l-ekonomisti tal-Bank Ċentrali jsostnu li l-ekonomija Maltija ser tingħata spinta qawwija grazzi għall-miżuri mħabbra riċentament mill-Gvern. B’kollox il-miżuri li introduċa l-Gvern huma stmati li għollew il-ġid nazzjonali bi 3%. Dan huwa kważi darbtejn ir-rata ta’ tkabbir medju li pajjiżna kellu bejn l-2008 u l-2012. B’kollox dawn il-miżuri naqqsu l-impatt ekonomiku tal-COVID-19 b’madwar terz skont il-Bank Ċentrali.

Ir-rapport jinnota wkoll li minkejja t-tnaqqis fil-ġid nazzjonali, l-impatt fuq is-suq tax-xogħol mistenni jkun limitat. Dan minħabba li l-miżuri fiskali jiffukaw direttament fuq dan il-qasam. Tant li l-esperti tal-Bank jinnutaw kif f’Ġunju, minkejja l-pandemija, pajjiżna għall-ewwel darba kellu l-anqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro. Barra minn hekk il-ħaddiema se jaffaċċjaw rata ta’ inflazzjoni anqas minn dik osservata fl-aħħar snin, fattur li ser jgħin ikabbar il-poter ta’ akkwist tagħhom. Kemm ir-rata tal-qgħad kif ukoll dik tal-inflazzjoni se jkunu anqas minn dawk osservati qabel l-2013, minkejja li dakinhar pajjiżna ma kienx milqut minn pandemija internazzjonali bla preċedent.

Il-Bank Ċentrali jbassar ukoll li l-qagħda finanzjarja tal-Gvern ser tibda titjieb mill-2021. Barra minn hekk, il-piż tad-dejn nazzjonali mistenni jibqa’ taħt sewwa r-rata ta’ 60% tal-ġid nazzjonali u ser jibqa’ wieħed mill-anqas fiż-żona ewro.

It-tbassir tal-Bank Ċentrali jikkonferma l-assessjar li sar mill-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li kollha bassru li l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna se jkun aħjar minn dak tal-pajjiżi ta’ madwarna.

Dan l-istudju huwa l-ewwel wieħed li jikkwantifika bi preċiżjoni l-impatt tal-miżuri tal-Gvern, u jindika kemm huma kruċjali dawn il-miżuri li għamlu tajjeb għal parti sostanzjali mid-daqqa fid-domanda internazzjonali.

Sport