Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ppubblika t-tielet ħarġa tar-Rivista tiegħu ta’ kull tliet xhur għas-sena 2022. Din l-edizzjoni tanalizza fid-dettall l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji f’Malta u barra minn Malta matul l-ewwel kwart tal-2022.
L‑attività ekonomika kibret b’pass inqas mgħaġġel fl‑ewwel kwart tas‑sena, hekk kif il‑prodott domestiku gross (PDG) reali żdied b’7.6% fuq bażi annwali, wara żieda ta’ 11.8% fil-kwart ta’ qabel. Dan jirrifletti normalizzazzjoni tar-rati tat-tkabbir, hekk kif l-ekonomija rkuprat mit-tnaqqis qawwi fil-PDG li rriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.
It-tkabbir fil-produzzjoni potenzjali kien ta’ 4.5%, marġinalment ogħla minn 4.3% fil-kwart preċedenti. L-istima tal-Bank tad-differenza bejn il-produzzjoni reali u dik potenzjali hi pożittiva u żdiedet. Dan jindika li l-ekonomija qed topera ’l fuq mill-kapaċità tagħha. Dan jirrifletti rkupru qawwi fl-attività fi ħdan setturi bħat-turiżmu li kienu l-aktar affettwati minn restrizzjonijiet relatati mal-pandemija.
L-Indiċi tal-Bank rigward il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa’ f’livell ogħla mill-medja storika tiegħu stmat mis-sena 2000, iżda juri wkoll sinjali ta’ normalizzazzjoni meta mqabbel mar-rati għoljin irreġistrati fl-ewwel nofs tal-2021.
L-Indikatur tas-Sentiment Ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea tela’ mil-livell irreġistrat fir-raba’ kwart tal-2021, u baqa’ ogħla mill-medja storika tiegħu (ikkalkulat minn Novembru 2002) u mil-livell ta’ qabel il-pandemija. Dan jista’ jirrifletti t-tnaqqis kontinwu tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19, primarjament dawk relatati mal-kwarantina u l-użu tal-maskri.
L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi. L-impjiegi baqgħu f’livelli ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija hekk kif ir-rati ta’ attività komplew jogħlew. Sadattant, ir-rata tal‑qgħad baqgħet 3.2% – l-istess livell irreġistrat fil-kwart ta’ qabel, u ħafna inqas mil-livell ta’ 4.0% rreġistrat sena qabel. Ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet ukoll ferm taħt ir-rata medja ta’ 7.0% għaż-żona tal-euro.
Iż-żieda fil-prezzijiet kompliet taċċellera matul l-ewwel kwart. L-inflazzjoni annwali, kif imkejla mill-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur, kienet 4.5% f’Marzu, żieda mir-rata ta’ 2.6% rreġistrata f’Diċembru. Il-komponenti kollha minbarra l-prezzijiet tal-enerġija rreġistraw tkabbir aktar mgħaġġel, għalkemm l-inflazzjoni fis-servizzi kienet il-fattur ewlieni għaż-żieda fl-inflazzjoni. L-inflazzjoni annwali bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut, li tqis biss l-infiq minn residenti f’Malta, telgħet għal 4.4% f’Marzu minn 2.6% f’Diċembru.
Matul l-ewwel kwart tal-2022, id-defiċit tal-gvern ġenerali żdied meta mqabbel ma’ dak irreġistrat fl-istess perjodu tal-2021. Meta mkejjel fuq bażi ta’ moving sum fuq erba’ trimestri, il-bilanċ tal-gvern ġenerali rreġistra defiċit ta’ 8.0% tal-PDG, kważi l-istess bħar-rata ta’ 7.9% li kienet irreġistrata fir-raba’ kwart tal-2021. Sadattant, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali fil-PDG tela’ għal 57.6% minn 56.4% fl-aħħar ta’ Diċembru 2021. Is-sehem nett tal-valur finanzjarju tal-gvern fil-PDG tjieb bi ftit fil-kwart kopert.
Ir-Rivista tippreżenta wkoll ħarsa ġenerali lejn id-deċiżjonijiet tal-politika monetarja li ttieħdu mill-Kunsill Governattiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Il-Kunsill Governattiv żamm ix-xejra akkomodattiva tal-politika monetarja matul l-ewwel kwart tal-2022. Ir-rati ewlenin tal-politika monetarja tal-BĊE baqgħu l-istess f’livelli baxxi.
F’Marzu, il-Kunsill Governattiv irreveda l-iskeda tax-xiri għall-Programm tiegħu ta’ Xiri ta’ Assi (APP) għax-xhur li ġejjin. Huwa naqqas l-ammonti li għandhom jinxtraw u ressaq ’il quddiem id-data tal-iskadenza mistennija tal-fażi tax-xiri nett. Iddikjara wkoll li jekk l-informazzjoni li jkun qed jirċievi tappoġġja l-aspettattiva li l-prospettiva tal-inflazzjoni għal żmien medju ma tiddgħajjifx wara t-tmiem tax-xiri nett tal-assi tiegħu, il-Kunsill Governattiv jikkonkludi x-xiri nett taħt l-APP fit-tielet kwart tal-2022. Sadattant, kif kien ikkomunikat qabel, ix-xiri nett taħt il-Programm ta’ Xiri ta’ Emerġenza Pandemika (PEPP) intemm f’Marzu, għalkemm l-investimenti mill-ġdid ta’ titoli li jkunu qed jimmaturaw skont il-programm, mistennija li jkomplu mill-inqas sa tmiem l-2024. Barra minn hekk, il-Kunsill iddikjara li kwalunkwe aġġustament fir-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE għandu jseħħ wara t-tmiem tax-xiri nett taħt l-APP u għandu jkun gradwali.
F’Ġunju 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jieħu iktar passi biex jinnormalizza l-politika monetarja tiegħu fost rati għoljin ta’ inflazzjoni sabiex itemm ix-xiri nett tal-assi taħt l-APP mill-1 ta’ Lulju 2022 u sabiex jibda jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax tal-BĊE f’Lulju.
Sussegwentement fl-istess xahar, il-Kunsill iddeċieda li ser japplika flessibbiltà fl-investiment mill-ġdid ta’ tifdijiet li jkunu dovuti fil-portafoll tal-PEPP, bil-ħsieb li jiġi ppreservat il-mod kif jaħdem il-mekkaniżmu tat-trażmissjoni tal-politika monetarja. Barra minn hekk, il-Kunsill qabel li jaċċellera t-tlestija tat-tfassil ta’ strument ġdid kontra l-frammentazzjoni.
Abbażi ta’ evalwazzjoni aġġornata dwar ir-riskji tal-inflazzjoni, fil-21 ta’ Lulju, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jgħolli r-rati ewlenin tal-imgħax b’50 punt bażi. Il-Kunsill approva wkoll Strument ġdid għall-Protezzjoni tat-Trażmissjoni.
Minbarra l‑analiżi ekonomika msemmija hawn fuq, ir-Rivista tippreżenta erba’ studji. L-ewwel studju janalizza l‑kummerċ tal‑merkanzija bejn selezzjoni ta’ pajjiżi tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ fuq u Malta sa mill-2011. Studju ieħor jikkwantifika l-effetti settorjali u makroekonomiċi li t-tnaqqis bla preċedent fit-turiżmu kellu fuq l-ekonomija Maltija fl-2020. It-tielet studju jiddeskrivi l-miżuri fiskali ewlenin rilevanti għall-klima li ddaħħlu f’Malta u tevalwa l-impatt tagħhom fuq il-bilanċ fiskali. Ir-Rivista tiddiskuti wkoll is-sejbiet ewlenin tar-raba’ studju li jevalwa l-impatt tas-suppożizzjonijiet dwar il-migrazzjoni fuq l-ispejjeż relatati mal-anzjanità. Barra dan, ir-Rivista tiddeskrivi l-kundizzjonijiet ta’ likwidità fis-sistema bankarja Maltija u l-operazzjonijiet tal-politika monetarja mmexxija mill-Bank Ċentrali ta’ Malta bejn is-27 ta’ Jannar 2021 u t-8 ta’ Frar 2022.
It-tielet ħarġa tar-Rivista ta’ kull tliet xhur għall-2022 tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, www.centralbankmalta.org.