L-eks Kappillan ta’ Marsaxlokk Fr Luke Seguna kien ikkuntattjat mill-bank dwar il-pagamenti tiegħu fuq websites pornografiċi, li l-bank ħaseb li kienu riżultat ta’ xi ‘scam’.
Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif kompla jinstema’ l-każ kontra Fr Seguna li jinsab mixli b’ħasil ta’ flus u frodi, akkużi li huwa qed jiċħad.
L-Ispettur Lianne Bonello, mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil ta’ Flus, xehdet kif fl-10 ta’ Awwissu, uffiċjali tal-pulizija kienu arrestaw lill-imputat mir-residenza tiegħu f’Marsaxlokk.
Seguna kien għadda l-password tal-laptop u anke tal-mobile tiegħu lill-pulizija li ġew ikkonfiskati. Kienu wkoll ikkonfiskati ġojjellerija, arloġġi u ħwejjeġ flimkien ma’ cheque books li jiddokumentaw ix-xiri.
Wara xehed l-Ispettur Christopher Ellul, li spjega kif total ta’ €148,583 kienu trasferiti fuq tliet websites li juru pornografija ‘live’ mill-karta ta’ kreditu tal-HSBC, Revolut u Master Card ta’ Seguna.
Sadanittant, Kuntistabbli tal-Pulizija qal li l-investigazzjoni dwar Seguna kienet bdiet f’Marzu wara li l-pulizija rċeviet informazzjoni dwar l-attività bankarja tiegħu. Id-dħul iddikjarat tal-Kappillan għall-perjodu 2016-2021 kien jikkorrispondi mas-salarji li rċieva mill-Arċidjoċesi, madankollu ġie nnutat li d-dħul totali tiegħu kien ta’ €487,511.
Madwar €200,000 minn dan l-ammont kienu depożitati u mal-€130,000 kienu f’cheque deposits. L-uffiċjal żied jgħid li Seguna kien jikteb id-dati fuq iċ-ċekkijiet b’numri Rumani.
Il-każ ikompli nhar l-24 ta’ Ottubru li ġej fil-11.30 a.m.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christopher Ellul u Lianne Bonello assistiti mill-Avukati Andrea Zammit u Ramon Bonello Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Fr Seguna kien assistit mill-Avukati Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera. L-Avukati Stefano Filletti u Christina Sutton dehru parte civile.