Il-Bank of Valletta ngħaqad ma’ miljuni ta’ nies u organizzazzjonijiet madwar id-dinja biex ifakkar l-20 edizzjoni ta’ Earth Hour, inizjattiva globali organizzata mill-World Wildlife Fund (WWF) bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar it-tibdil fil-klima u kwistjonijiet ambjentali li għandhom impatt fuq in-nies madwar id-dinja.
Nhar is-Sibt, 28 ta’ Marzu, il-Bank ikkontribwixxa billi simbolikament tefa’ dwal mhux essenzjali f’uħud mill-binjiet ewlenin tiegħu għal 60 minuta mit-20:30 sad-21:30.
Din l-inizjattiva tikkumplimenta l-programm attwali tal-Bank iffukat fuq l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi sostenibbli madwar l-organizzazzjoni kollha. L-inizjattivi li implimenta l-Bank fl-aħħar snin jinkludu l-installazzjoni ta’ pannelli solari fil-Fergħat, l-introduzzjoni ta’ charging stations għal vetturi elettriċi fil-BOV Centre, l-użu tal-ilma tat-tieni klassi fil-BOV Centre li jinġabar f’żewġ ġibjuni kbar li flimkien jesgħu madwar 600,000 litru, u l-implimentazzjoni ta’ dawl intelliġenti f’diversi binjiet. Inizjattivi oħra jinkludu kampanji ffukati bħall-kampanja Bring Your Own Container u laned tal-iskart tal-BCRS iddedikati fl-Uffiċċju Ewlieni tal-Bank, attivitajiet ta’ Jum il-Volontarjat li jappoġġaw tindif madwar il-pajjiż, u attivitajiet oħra parti mis-CSR matul is-sena.
Il-Bank of Valletta qed ikompli jinvesti b’mod sinifikanti f’karatteristiċi sostenibbli fil-proġetti tiegħu bil-għan li jiżgura l-ogħla livelli ta’ effiċjenza. Dan jinkludi l-insulazzjoni tal-ħitan u s-soqfa, twieqi bi ħġieġ doppju, dawl intelliġenti, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħal sistemi PV, u sistemi effiċjenti ta’ Tisħin, Ventilazzjoni u Arja Kkundizzjonata (HVAC), li issa huma integrati ma’ Sistema ta’ Ġestjoni tal-Bini (BMS) fil-BOV Centre kif ukoll fil-fergħat u l-uffiċji li ġew rinnovati. Dan mistenni jtejjeb il-konsum tal-enerġija b’bejn 15% u 30%, filwaqt li jiżgura l-kumdità tal-impjegati. Il-BMS juża sensors, kontrolluri, u monitoraġġ f’ħin reali biex jikkontrolla s-sħana, il-ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata, u b’hekk jippermetti ġestjoni proattiva bbażata fuq id-data.
Għall-proġetti tal-Fergħat fiż-Żejtun u f’Ħal Qormi li għaddejjin bħalissa, il-Bank ikkummissjona studji dwar il-carbon footprint qabel u wara r-rinnovazzjoni, bir-riżultati inizjali jindikaw li ż-żewġ proġetti huma mistennija li jnaqqsu sa 100 tunnellata ta’ emissjonijiet kull sena, meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali.
Ernest Agius, BOV Chief Operations Officer, qal li l-parteċipazzjoni tal-Bank f’Earth Hour tallinja mal-prinċipji Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) tiegħu u ssaħħaħ ir-rwol tiegħu bħala organizzazzjoni korporattiva responsabbli. Din tappoġġja wkoll ir-rwol tiegħu bħala membru fundatur tal-Alleanza ESG ta’ Malta. “L-impenn tagħna fil-Bank of Valletta jmur lil hinn minn dan il-ġest simboliku importanti ta’ kull sena. Is-sostenibbiltà ambjentali hija fost il-prijoritajiet strateġiċi ewlenin tagħna, u nibqgħu impenjati li mmexxu bl-eżempju minn perspettiva ambjentali, soċjali u ta’ governanza billi nintegraw prattiċi sostenibbli f’kull aspett tal-operat tagħna.”

