Se tasal fit-tmiemha s-sensiela ta’ avvenimenti taħt il-Programm ta’ Customer Outreach tal-Bank of Valletta. L-aħħar appuntament huwa għall-Knisja Parrokkjali tas-Sacro Cuor, f’Tas-Sliema nhar it-Tnejn, 24 ta’ Frar 2025. L-avveniment se jinkludi mini-kunċert minn kwartett tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta (MPO) u t-tnedija ta’ proġett ambizzjuż ta’ restawr intiż biex jissalvagwardja parti mill-wirt artistiku ta’ Malta.
L-impenn tal-BOV għall-ħarsien kulturali jingħata prominenza bit-tnedija uffiċjali tar-restawr tat-Trijonf tal-Immakulata Kunċizzjoni, kapolavur tas-seklu 19 ta’ Giuseppe Calì li jinsab fil-Knisja Parrokkjali tas-Sacro Cuor, f’Tas-Sliema. Dan il-proġett sinifikanti se jkun immexxi minn PrevArti taħt il-gwida tal-konservatur Pierre Bugeja, bil-għan li dan ix-xogħol tal-arti jiġi kkonservat kif xieraq għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Ernest Agius, Chief Operations Officer tal-Bank of Valletta, ikkummenta, “Din is-sensiela ta’ avvenimenti saħħet ir-rabta mill-qrib tagħna mal-komunitajiet li nservu. Permezz tal-appoġġ tagħna għar-restawr ta’ din il-biċċa xogħol ta’ arti storika, aħna nġeddu d-dedikazzjoni tagħna, mhux biss għas-servizzi finanzjarji, iżda wkoll għall-wirt kulturali u artistiku li jiddefinixxi lil gżejjer tagħna.”
Kapulavur fi bżonn ta’ Restawr
Impittra fl-1892, it-Trijonf tal-Immakulata Kunċizzjoni huwa mural taż-żejt fuq il-ġebel fl-apsidali tal-kor. Il-kompożizzjoni, rikka fis-simboliżmu, turi lil Madonna fuq nofs qamar, imdawra minn kor taʼ anġli, il-Papa Ljun XIII, u San Franġisk. Matul l-għexieren taʼ snin, il-ħsara tal-ilma, trab li kien akkumulat, xquq, u instabbiltà fil-pigment tal-kulur affettwaw l-integrità tal-pittura. Dan wassal għal ħtieġa ta’ konservazzjoni professjonali.
Impenn lejn il-Wirt u l-Eċċelenza
Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 Anniversarju tal-BOV, dan l-avveniment jimmarka l-qofol ta’ serje ta’ inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni li ġabu flimkien lill-klijenti u lill-komunitajiet. Il-Bank jesprimi l-gratitudni tiegħu lit-tim kollu tas-CSR, li bl-isforzi kontinwi tagħhom, waslu biex din is-sensiela ta’ attivatijet tkun suċċess.
L-avveniment ta’ Tas-Sliema se jkun ċelebrazzjoni ta’ kultura, mużika u restawr, ġieħ xieraq lejn il-legat ta’ eċċellenza, sostenibbiltà u rabta mal-komunità tal-BOV. Il-pubbliku huwa mistieden jattendi u l-avveniment huwa bla ħlas.