Friday, October 31, 2025

IL-BANK OF VALLETTA JORGANIZZA L-EWWEL INVESTOR DAYS F’MALTA U GĦAWDEX

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta se jospita l-ewwel edizzjoni ta’ Investor Days fit-3 u l-4 ta’ Novembru f’Għawdex u f’Malta rispettivament. Dawn l-avvenimenti jipprovdu pjattaforma diretta lill-azzjonisti, il-klijenti u l-komunità finanzjarja biex jiltaqgħu mat-tmexxija tal-BOV u jiddiskutu dwar id-direzzjoni strateġika, il-prestazzjoni u l-ħarsa ’l quddiem tal-Bank.

Is-sessjonijiet se jinkludu preżentazzjonijiet mit-tmexxija tal-Bank, inkluż iċ-Chairperson tal-BOV, Dr Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia u ċ-Chief Financial Officer, Kevin Cardona. Se jieħdu sehem ukoll numru ta’ membri tal-Kumitat Eżekuttiv li se jiddiskutu dwar diversi temi, fosthom il-prestazzjoni tal-Bank, il-progress fit-trasformazzjoni diġitali, inizjattivi marbuta mas-servizz lill-klijent u l-progress fir-rigward tal-impenn tiegħu lejn is-sostenibbiltà u l-governanza.

Meta kien qed jitkellem dwar l-avveniment, Dr Gordon Cordina tenna l-importanza tad-djalogu fil-bini tal-fiduċja u tal-valur fit-tul. “Investor Days jirriflettu l-impenn kontinwu tagħna lejn ir-responsabbiltà u l-kommunikazzjoni diretta mal-partijiet interessati. Dawn l-iskambji huma essenzjali biex niżguraw allinjament bejn it-trajettorja strateġika tal-Bank u l-aspettattivi ta’ dawk li jafdaw fina,” qal Dr Cordina.

Kenneth Farrugia enfasizza kif Investor Days isaħħu l-aġenda b’viżjoni għall-ġejjieni tal-Bank. “Dan huwa mument sinifikanti ferm għalina li jippermettilna naqsmu l-progress li qed nagħmlu hekk kif qed ninvestu fin-nies tagħna, fit-teknoloġija u fl-operazzjonijiet tagħna, bil-għan li nkomplu nibnu Bank aktar modern u ffukat fuq il-klijent. Nistennew bil-ħerqa li nkomplu niddjalogaw mal-komunità tal-investituri, filwaqt li nkomplu nattwaw il-prijoritajiet strateġiċi tagħna,” qal is-Sur Farrugia.

Kevin Cardona nnota l-importanza tat-trasparenza fil-komunikazzjoni dwar il-prestazzjoni finanzjarja u l-istrateġija. “Dawn id-diskussjonijiet jagħtu ċarezza u kuntest lir-riżultati tagħna, sabiex il-partijiet interessati jifhmu x’inhu jmexxi l-prestazzjoni u kif aħna pożizzjonati għal tkabbir sostenibbli,” ikkummenta s-Sur Cardona.

Is-sessjoni ta’ Malta tal-4 ta’ Novembru se tixxandar b’mod dirett fil-17:00. Parteċipanti jistgħu jirreġistraw l-interess tagħhom fuq dan l-indirizz – https://bov.jotform.com/253003711853045 

Investor Days huma l-ewwel f’sensiela ta’ avvenimenti ppjanati biex isaħħu l-komunikazzjoni bejn il-Bank u l-komunità tal-investituri tiegħu. Il-Bank jibqa’ impenjat li jżomm komunikazzjoni miftuħa u trasparenti, u li jinforma regolarment lill-azzjonisti u l-partijiet interessati dwar il-progress, il-prijoritajiet u l-prestazzjoni tiegħu. Il-Bank impenjat u ħerqan li jkompli dan id-djalogu fix-xhur u s-snin li ġejjin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport