Il-Bank of Valletta (BOV) għadu kif ospita l-ewwel Investor Days tiegħu f’Malta, fejn laqqa’ lill-azzjonisti, klijenti u partijiet interessati mill-komunità finanzjarja għal diskussjoni dwar il-prestazzjoni, l-istrateġija u l-pjanijiet ta’ kapital tal-Bank. Waħda mis-sessjonijiet ixxandret ukoll b’mod dirett online, biex firxa usà ta’ persuni jkunu jistgħu jsegwu u jinvolvu ruħhom fid-diskussjoni. Is-sessjonijiet kienu jinkludu interventi minn esponenti ewlenin tal-Bank, fosthom iċ-Chairperson, Dr Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv, is-Sur Kenneth Farrugia, u ċ-Chief Financial Officer, is-Sur Kevin Cardona.
L-avveniment kien jinkudi wkoll diskussjoni minn esperti tal-Bank, fosthom is-Sur Anatoli Grech, Group Chief Compliance Officer, u s-Sur Simon Azzopardi, Chief Personal and Wealth Officer.
Fil-ftuħ tal-avveniment, Dr Cordina saħaq fuq l-irwol importanti li għandu l-Bank biex iwieżen l-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta u jsostni l-valur sostenibbli fit-tul tal-azzjonisti tiegħhu. “Dawn l-Investor Days jirrappreżentaw pass importanti biex insaħħu r-relazzjoni tagħna mas-suq u jirriflettu l-impenn tagħna lejn it-trasparenza u l-offerta ta’ valur lill-partijiet interessati u lill-komunità Maltija b’mod ġenerali.”
Fl-intervent tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia spjega x’inhuma l-isforzi ta’ trasformazzjoni li qed iniedi l-Bank biex isaħħaħ l-esperjenza tal-klijent kemm fuq iċ-channels diġitali kif ukoll meta l-klijent jinqeda wiċċ imb’wiċċ, it-titjib fil-mod kif jiġu pprovduti s-servizzi u kif il-Bank qed jappoġġja t-tkabbir fil-finanzjament, filwaqt li jżomm dixxiplina soda fir-riskju. “Qed inkomplu nikbru b’dixxiplina u b’attenzjoni, billi nappoġġjaw lill-familji u lin-negozji u fl-istess ħin niżguraw prestazzjoni sostenibbli. Dawn is-sessjonijiet jagħtu lill-partijiet interessati tagħna l-opportunità jifhmu aħjar it-trajettorja u l-prospetti ta’ tkabbir tal-Bank.”
L-aġġornament finanzjarju ppreżentat miċ-Chief Financial Officer wera livelli solidi ta’ depożiti, attività tajba fis-self, kwalità stabbli tal-assi u pożizzjoni ta’ kapital immaniġġjata b’kawtela. “Il-pożizzjoni finanzjarja tagħna tirrifletti eżekuzzjoni konsistenti u ppjanar għall-futur. Qed inkomplu nsaħħu r-reżiljenza filwaqt li nżommu l-kapaċità li niffinanzjaw it-tkabbir. L-istrateġija tal-kapital tagħna tibqa’ waħda sostnuta, dixxiplinata u allinjata mal-ħolqien ta’ valur fit-tul,” ikkummenta Kevin Cardona.
Wieħed mill-punti ewlenin tal-BOV Investor Days kien il-fokus fuq il-programm ta’ Medium Term Notes tal-Bank ta’ €325 miljun u l-ewwel tranche ta’ €100 miljun (sa massimu ta’ €125 miljun) f’Subordinated Bonds. Il-bonds joffru kupun ta’ 5%, jimmaturaw f’perjodu massimu ta’ 10 snin u jinkludu għażla jiġu mifdija bejn il-5 u l-10 sena . L-iskema hija miftuħa għall-pubbliku ġenerali, b’applikazzjonijiet minimi ta’ €10,000 għal investituri retail u €100,000 għal investituri istituzzjonali. L-offerta hi parti mill-istrateġija kontinwa tal-Bank ta’ ottimizzazzjoni tal-kapital biex tappoġġja tkabbir sostenibbli fil-karta tal-bilanċ.
Minħabba l-karatteristiċi tiegħu, il-bond jiġi kklassifikat bħala strument kumpless u jista’ jkun diffiċli biex jinftiehem minn investituri potenzjali. Għalhekk jista’ ma jkunx adattat għal kull tip ta’ investitur. Il-pubblikazzjoni tal-Base Prospectus u t-Termini Finali, kif ukoll informazzjoni addizzjonali, huma disponibbli fuq https://www.bov.com/bond-prospectus.
Il-parteċipazzjoni inkoraġġanti tal-partijiet interessati fl-ewwel Investor Days tal-Bank tawgura tajjeb għall-futur, u l-Bank għandu l-intenzjoni jibni fuq dan is-suċċess permezz ta’ aktar sessjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-investituri fil-futur.
Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata b’numru tar-reġistrazzjoni C 2833 u li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130, Malta. L-approvazzjoni tal-Prospett Bażi mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta jenħtieġ li ma tinftiehemx bħala approvazzjoni tal-Bonds offruti u ammessi għan-negozjar fuq il-lista Uffiċjali tal-MSE. Il-valur tal-investiment jista’ jinżel kif ukoll jitla’ u l-prestazzjoni tal-passat mhijiex neċessarjament indikattiva tal-prestazzjoni futura. Jekk tinvesti fil-Bonds, tista’ titlef xi flus jew il-flus kollha li tinvesti.
Inti wasalt biex tixtri prodott li mhuwiex sempliċi u jista’ jkun diffiċli biex jinftiehem. Investituri potenzjali għandhom jaqraw id-dokumenti tal-Prospett Bażi u tat-Termini Finali qabel ma jieħdu deċiżjoni ta’ investiment biex jifhmu bis-sħiħ ir-riskji u l-benefiċċji potenzjali assoċjati mad-deċiżjoni li jinvestu fil-Bonds. L-intermedjarji finanzjarji awtorizzati jistgħu jiddistribwixxu biss il-bonds lill-klijenti ‘retail’ soġġetti għal test tal-adegwatezza li għandu jitwettaq fir-rigward ta’ tali applikanti, irrispettivament mis-servizz ta’ investiment li jkun qed jiġi pprovdut. Intermedjarju finanzjarju awtorizzat ma għandux jaċċetta applikazzjoni minn klijent ‘retail’ sakemm ma jkunx sodisfatt, abbażi tar-riżultati ta’ tali test ta’ adegwatezza, li investiment fil-bonds ikun xieraq għall-applikant.
Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA u liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta) u s-servizzi ta’ investiment f’termini tal-Att dwar Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370 tal-Liġijiet ta’ Malta).

