Saturday, November 23, 2024

Il-Bank of Valletta jżid il-ħinijiet tal-ftuħ tal-fergħat tiegħu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta bi pjaċir qed iħabbar li minn nhar it-Tnejn 1 ta’ Ġunju 2020 se jkun qed iżid il-ħinijiet tal-ftuħ tal-fergħat tiegħu għal skeda kważi normali.

Minn nhar it-Tnejn, il-Fergħat tal-BOV se jkunu qed jiftħu mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8.30 am u s-1.30 pm. Ġbid ta’ flus u tisrif ta’ ċekkijiet se jkunu aċċettati sa nofsinhar skond kif kienu il-proċeduri normali ta’ qabel il-COVID. Il-proċeduri kollha kurrenti fir-rigward tas-servizzi tal-kaxxiera u l-miżuri ta’ sikurezza inkluż il-limitazzjoni tan-numru ta’ klijenti ġewwa l-fergħa fi kwalunkwe ħin se jibqgħu fis-seħħ. Il-Bank ifakkar lill-klijenti tiegħu biex jevitaw il-kjuwijiet u jużaw l-ATMs fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata għall-ħtiġijiet tal-flus kontanti tagħhom. Il-klijenti huma mħeġġa biex kemm jista’ jkun jużaw sistemi ta’ pagamenti contactless bħal BOV Cards, BOV Pay, BOV Mobile u Internet Banking.

“Matul din il-pandemija, konna f’kuntatt kostanti mal-gvern u mal-awtoritajiet tas-saħħa lokali. Kull deċiżjoni li ħadna, ittieħdet biex tissalvagwardja kemm il-klijenti tagħna kif ukoll l-impjegati. Aħna aġġustajna l-proċessi u l-proċeduri tagħna waqt li addottajna metodi ġodda biex niżguraw aċċessibilità wiesa għall-klijenti tagħna,” iddikjara l-Kap Eżekuttiv tal-BOV Rick Hunkin. “Għandna tim kbir ta’ impjegati li qed jaħdmu qatigħ minn wara l-kwinti biex jipprovdu servizzi bankarji lil klijenti fi djarhom, fejn qabel dawn il-klijenti kien ikollhom bilfors iżuru l-fergħat tal-Bank.”

Is-Sur Hunkin kompla jgħid, “Waqt li naqqasna t-traffiku ta’ nies lejn il-fergħat tagħna, offrejna alternattivi biex il-klijenti jgawdu mis-servizzi meħtieġa mill-kumdita’ u s-sigurta’ ta’ darhom. Kuntent ngħid li dawn il-miżuri ħadmu tant tajjeb matul dawn l-aħħar ftit xhur, li se nibqgħu nużawhom. Fil-fatt, inħeġġeġ lill-klijenti li jirrikjedu servizzi mhux relatati mal-kaxxiera, biex jagħmlu appuntamenti mal-fergħat tagħna sabiex dawn ma joqgħodux jistennew fil-kju u jnaqqsu r-riskju ta’ kuntatt.”

Il-klijenti jistgħu jagħmlu appuntamenti għal kwalunkwe servizz mhux tal-kaxxiera bħal self għad-djar, self personali, investimenti, cards bankarji jew Internet Banking billi jibagħtu email fuq [email protected] bit-tip ta’ servizz meħtieġ, numru tal-mobile , numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa preferuta jew billi jċemplu fuq +356 2275 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00am sal-4.00pm.

Il-Bank of Valletta bħalissa qed jopera 28 fergħa, u dan jagħmilha l-ikbar network ta’ fergħat aċċessibbli għall-klijenti. Filwaqt li numru ta’ fergħat ser jibqgħu magħluqa temporanjament minħabba staffing issues, il-Bank qiegħed, fuq bażi rotatorja, jiftaħ dawn il-fergħat nhar ta’ Sibt biex inaqqas l-inkonvenjent għall-klijenti tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV ikkonkluda, “Iż-żieda fil-ħinijiet tal-ftuħ tagħna teħodna pass ieħor il-quddiem lejn in-normalità. Jiddispjaċini li għadna m’aħniex f’pożizzjoni li niftħu l-fergħat kollha tagħna. Għad għandna l-bżonn u l-obbligu li nappoġġjaw lill-istaff tagħna li qedgħin fil-kategorija tal-vulnerabbli jew li għandhom tfal żgħar biex jieħdu ħsiebhom u għalhekk m’għandhom l-ebda alternattiva oħra ħlief li jaħdmu mid-dar. Aħna se nkomplu nagħtu l-appoġġ kollu lill-impjegati tagħna kif meħtieġ, filwaqt li fl-istess ħin nagħmlu l-almu tagħna biex inkomplu naqdu lill-klijenti tagħna u lill-istakeholders tagħna bl-aħjar mod possibbli matul dawn iż-żminijiet mingħajr preċedent.”

Sport