IL-BANK OF VALLETTA SE JORGANIZZA T-TIENI EDIZZJONI TAL-INVESTOR DAYS

Aqra wkoll

Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-Investor Days is-sena li għaddiet, il-Bank of Valletta qed jistieden lill-investituri attwali u prospettivi għat-tieni edizzjoni ta’ din l-inizjattiva, li se ssir f’Għawdex nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru u f’Malta nhar it-Tlieta 3 ta’ Novembru 2026.

L-inizjattiva tagħmel parti mill-ħidma kontinwa tal-Bank biex isaħħaħ l-impenn tiegħu mal-azzjonisti u mal-komunità tal-investituri, itejjeb il-komunikazzjoni mal-azzjonisti u jlaqqa’ lill-partijiet interessati mat-tmexxija tal-Bank. Dawn l-avvenimenti se joffru lill-investituri attwali u prospettivi l-opportunità li jisimgħu dwar il-prestazzjoni riċenti tal-Bank, il-prijoritajiet strateġiċi u l-prospetti tiegħu, filwaqt li jieħdu sehem f’diskussjoni miftuħa ma’ dawk li jmexxu l-organizzazzjoni.

Iż-żewġ sessjonijiet se jitmexxew miċ-Chairperson tal-Bank, Dr Gordon Cordina, u mill-Kap Eżekuttiv, Kenneth Farrugia, u se jieħdu sehem fihom ukoll membri tat-tmexxija eżekuttiva u tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank. Il-parteċipazzjoni tagħhom se tagħti lil dawk preżenti l-opportunità li jiksbu għarfien aktar fil-fond dwar id-direzzjoni strateġika, il-prestazzjoni finanzjarja, il-prijoritajiet ta’ governanza u l-ambizzjonijiet fit-tul tal-Bank.

L-Investor Days huma parti mill-impenn usa’ tal-Bank li jkollu komunikazzjoni miftuħa, trasparenti u konsistenti mal-azzjonisti u l-investituri tiegħu. Il-parteċipanti se jingħataw aġġornament dwar il-progress u l-prestazzjoni riċenti tal-BOV, il-prijoritajiet strateġiċi li qed imexxu l-fażi li jmiss tal-iżvilupp tiegħu, kif ukoll l-opportunitajiet u l-isfidi li qed isawru l-ambjent li fih jopera l-Bank. Is-sessjonijiet se jħarsu wkoll lejn kif l-istrateġija u l-prestazzjoni tal-Bank jappoġġjaw l-ambizzjonijiet tiegħu fit-tul u l-ħolqien ta’ valur sostenibbli għall-azzjonisti.

B’referenza għall-avvenimenti, Dr Cordina qal: “Ir-rispons għall-ewwel Investor Days tagħna kkonferma kemm huwa siewi li ninvolvu ruħna direttament mal-azzjonisti tagħna u mal-komunità tal-investituri. Din it-tieni edizzjoni hija pass ieħor biex inkomplu nsaħħu din ir-relazzjoni. Irridu nikkomunikaw b’mod ċar u trasparenti dwar id-direzzjoni u l-prestazzjoni tal-Bank, filwaqt li noħolqu wkoll l-opportunità li nisimgħu lill-azzjonisti tagħna, naqsmu l-fehmiet u nifhmu aħjar dak li huwa importanti għalihom.”

Kenneth Farrugia żied jgħid: “L-Investor Days jagħtuna opportunità importanti biex nispjegaw il-progress li qed isir madwar il-Bank, il-prijoritajiet li qed isawru l-fażi li jmiss tagħna u kif qed inħejju lill-BOV għall-opportunitajiet li għandna quddiemna. Daqstant ieħor importanti hija l-opportunità li l-azzjonisti u l-investituri jinvolvu ruħhom direttament mat-tim tat-tmexxija tagħna, jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom u jaqsmu magħna l-perspettivi tagħhom.”

Is-sessjoni f’Għawdex se ssir f’Villa Fiorita, Triq Tal-Merżuq, Iż-Żebbuġ, nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Ottubru 2026. L-avveniment jibda fil-17:00, bil-bibien jinfetħu fl-16:30. Is-sessjoni f’Malta se ssir f’The Xara Lodge, Sqaq Taċ-Ċawla, Triq It-Tiġrija, Ir-Rabat, nhar it-Tlieta 3 ta’ Novembru 2026. Din tibda fil-17:30, bil-bibien jinfetħu fil-17:00.

Kull min hu interessat jista’ jattendi personalment għal waħda miż-żewġ sessjonijiet. Dawk li ma jkunux jistgħu jattendu l-avveniment ta’ Malta fit-3 ta’ Novembru jistgħu jsegwu s-sessjoni online permezz ta’ webinar. Peress li l-postijiet fiż-żewġ swali huma limitati se tingħata prijorità lil min japplika l-ewwel. Il-parteċipanti huma mistiedna jimlew il-formola ta’ espressjoni ta’ interess għall-BOV Investor Days jew jibagħtu email lil [email protected] sabiex jirriżervaw post jew jitolbu l-link tal-webinar għas-sessjoni ta’ Malta. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport