Tuesday, July 8, 2025

IL-BANK OF VALLETTA  U L-UNIVERSITÀ TA’ MALTA JISSIĠĠILLAW KOLLABORAZZJONI STRATEĠEKA TA’ ĦAMES SNIN

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta (BOV) u l-Universita ’ta’ Malta (UM) daħlu fi ftehim strateġiku ta’ ħames snin li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni fuq inizjattivi konġunti ta’ riċerka u jipprovdi opportunitajiet ġodda ta’ karrieri għall-istudenti. Din is-sħubija tirrappreżenta investiment sinifikanti fl-opportunitajiet tax-xogħol futuri ta’ Malta, billi torbot il-potenzjal akkademiku mal-esperjenza tax-xogħol fid-dinja reali f’xenarju finanzjarju li qed jinbidel b’ rata mgħaġġla.

Il-Memorandum ta’ Ftehim kien iffirmat mill-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-Università ta’ Malta, id-Dekan tal-FEMA, il-Prof. Emanuel Said, id-Dekan tal-Fakultà tal-ICT, il-Prof. ING. Carl James Debono, u Ray Debattista, iċ-Chief People and Culture Officer tal-BOV, fil-preżenza ta’ Antoine Aquilina, Chief Information Security Officer fil-Bank.

Dan il-ftehim jgħaqqad flimkien l-aktar istituzzjoni akkademika antika f’Malta u l-fornitur ewlieni tas-servizzi finanzjarji f’Malta. Permezz tiegħu, qed jinħolqu opportunitajiet ġodda fejn l-edukazzjoni qed tiltaqa’ mal-industrija. L-Università ta’ Malta,  b’ aktar minn 400 sena ta’ eċċellenza akkademika, qed tkompli tixpruna l-innovazzjoni permezz tal-fakultajiet tagħha li jħarsu ’l quddiem. Minn naħa l-oħra, il-Bank of Valletta,  qed jevolvi pass pass mad-dinja finanzjarja, u joffri firxa wiesgħa ta’ oqsma speċjalizzati ta’ impjiegi li jmorru mill-immaniġġjar tar-riskju, is-sigurtà ċibernetika, u t-trasformazzjoni diġitali għal finanzi sostenibbli, l-esperjenza tal-klijenti, u x-xjenza tad-dejta.

Meta tkellem f’din l-okkażjoni, il-Professur Alfred J. Vella, Rettur tal-UM, qal, “Dan il-ftehim isaħħaħ ir-rabtiet tagħna ma’ waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji l-aktar prominenti ta’ Malta. Aħna nemmnu li nlaqqgħu flimkien l-għarfien akkademiku u l-esperjenza fid-dinja reali, u din is-sħubija tipprovdi pjattaforma għall-istudenti biex jaraw b’għajnejhom l-opportunitajiet li joffri s-settur finanzjarju li kulma jmur qed ikompli jevolvi u jinbidel.”

Ray Debattista żied jgħid, “Aħna kburin b’din il-kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta biex nattiraw u niżviluppaw il-ġenerazzjoni ta’ talent li għadha tiela’. Dan il-ftehim jenfasizza l-impenn tal-BOV li jrawwem it-talent lokali u jirrifletti t-twemmin tagħna fl-investiment fit-tul fin-nies. Permezz ta’ dan il-ftehim, qed jiżdid il-valur mhux biss għall-Bank, iżda wkoll lill-komunità  usà tal-istudenti, filwaqt li jikkonsolida r-rwol tal-Bank bħala impjegatur tal-għażla ffokat fuq il-futur u inklużiv fl-istess waqt.”

Il-Fakultà tal-Ekonomija, Immaniġjar u Kontabilità, flimkien mal-Fakultà tat-Teknoloġija Informatika u Komunikazzjoni fil-UM se jmexxu l-ingaġġ akkademiku b’kollaborazzjoni mal-funzjoni tar-Risk Management tal-BOV.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport