Ir-raġel involut fl-argument li allegatament żvolġa l-Ħadd fil-Ħamrun mistenni jieħu mat-tmien ġimgħat biex jirkupra minħabba ġrieħi f’siequ u ksur f’idejh. Iddikjarat dan Fatima Mifsud Bonnici f’kummenti lil The Times of Malta meta mitluba spjegazzjoni dwar kif żvolġa l-każ.
“Tal-mistħija kif ġara l-każ … Jien mhux se nittollera din il-vjolenza u se nagħmel minn kollox biex dawk il-cowboys li għamlulu hekk jitressqu biex issir ġustizzja”, qalet Fatima Mifsud Bonnici, mart Noel Mifsud Bonnici li wara argument li allegatament seħħ il-Ħadd mistenni jieħu diversi ġimgħat biex jirkupra saħħtu.
Fatima min-naħa tagħha ċaħdet li l-allegat argument żvolġa minħabba pika bejn il-Kap tal-Partit Bernard Grech u l-eks Kap Adrian Delia. Żiedet tgħid ukoll li kollox beda meta s-sid preżenti li qiegħed jieħdu ħsieb il-Każin tal-Partit irrifjuta li jħalli lil Grech jidħol minħabba dik li x’aktarx kienet rabja wara li skontu dan naqas milli jżur il-każin għal dawn l-aħħar sentejn.
Hija spjegat li żewġha kien wieħed mill-persuni li kienu qegħdin jakkumpanjaw lil Grech u meta ra dan l-atteġġjament minn persuna tal-istess partit prova jikkalma s-sitwazzjoni minħabba li ħass li bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista Grech kellu kull dritt jidħol fil-post.
Sid il-bar insista li Grech ma kienx milqugħ hemm u meta ra hekk żewġha ħareġ għonqu għal Grech għax ħass li kien qiegħed jgħid is-sewwa, iżda kien hawnhekk li xi persuni allegatament ħebbew għalih. Hija qalet li żewġha kien qalilha li l-argument kompla jiżvolġi barra mill-każin sakemm intervjenew il-pulizija u ssejjaħ tim mediku u ambulanza biex huwa seta’ jittieħed lejn l-Isptar.
Wara dan l-inċident Grech x’aktarx li kellu jmur isegwi l-marċ ta’ San Gejtanu mill-gallerija tal-Każin ta’ San Ġużepp. Ritratt li tella’ hu stess fuq il-midja soċjali tiegħu jixhed dan.