Saturday, December 21, 2024

Il-barranin f’pajjiżna… ingergru, però bżonnhom u nirrikorru għalihom fl-istess ħin!

Aqra wkoll

L-ekonomija f’pajjiżna hija waħda b’saħħitha, biss biss din is-sena kibret bi tnax-il darba aktar mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-ekonomija u s-sitwazzjoni f’pajjiżna ikomplu jingħataw ratings tajbin mill-aġenziji internazzjonali ta’ kreditu. Dwar is-suq tax-xogħol f’pajjiżna jgħidu li dan hu b’saħħtu. Dan kollu jippermetti biex ikomplu jonqsu t-taxxi, jingħataw benefiċċji soċjali u jinżamm is-sussidju fuq l-enerġija waqt li jonqos id-defiċit. Iżda biex dan it-tkabbir ekonomiku jkompli jkun sostnut għandna bżonn il-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Ħaddiema barranin li neħtieġu s-servizzi tagħhom iżda ngergru għalihom fl-istess nifs!

Għandna bżonn il-ħaddiema biex jimlew il-postijiet tax-xogħol eżistenti kif ukoll dawk ġodda li qed jinħolqu. Ħaddiema lokali iżda m’hawnx biżżejjed u għalhekk qegħdin nirrikorru għal dawk barranin. Iżda sfortunatament din il-loġika ħafna ma jaċċettawix bil-mod komplut tagħha.

F’sens li ninsabu komdi li għandna biżżejjed ħaddiema biex insibu lil min jieħu ħsieb lill-qraba anzjani tagħna kemm fid-djar tal-kura kif ukoll fil-komunità, insibuna komdi li għandna biżżejjed ħaddiema biex insibu lil min jiġbor l-iskart, jaħdem fil-barrieri, li fl-isptar insibu s-servizz tat-tobba u l-infermiera u carers, li fi ftit ħin insibu lil min iwassalna minn post għall-ieħor jew iġibilna l-ikel kull fejn inkunu. Nikrulhom l-appartamenti u tista’ tgħid li mhuwiex ftit id-dħul minn dawn il-kirjiet. U xi ngħidu għal żmien il-pandemija tal-Covid-19, meta kellna bżonn ammont daqstant kbir ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa. Dawn is-servizzi kollha nsibuhom daqstant faċilment u komodament bis-saħħa tal-ħaddiema barranin f’pajjiżna.

Iżda wħud mill-istess nies li qegħdin jinqdew b’dawn is-servizzi, hekk kif kollha kemm aħna tista’ tgħid li ninqdew b’xi servizz jew ieħor, xorta waħda jqisu lill-ħaddiema barranin bħala żejda. Meta dawn iħallsu l-bolla bħalna. Dawn in-nies għadhom ma fehmux li kieku jitilqu l-ħaddiema barranin minn pajjiżna jkollna problema kbira ta’ nuqqas ta’ ħaddiema kif ukoll jonqos drastikament il-ġid f’Malta hekk kif tikkrolla l-ekonomija.

Jekk wieħed jaħseb ftit, ir-realtàahi li ħafna miċ-ċittadini Maltin mhumiex lesti jaħdmu fl-impjiegi li bħalissa l-ħaddiema barranin qegħdin jagħmlu. Ma hawnx biżżejjed nies biex jimlew il-postijiet tax-xogħol taghna. Illum il-ġurnata ż-żgħażagħ Maltin mhux qed iħarsu lejn ċerti xogħlijiet hekk kif ikunu avvanzaw aktar fl-edukazzjoni tagħhom apparti li ċ-ċittadini Maltin ma jridux jaħdmu ċertu xogħlijiet li ma jipprovdux ċertu livell ta’ għajxien. Allura min se jidħol għal dan ix-xogħol? Dan huwa fenomenu fl-Ewropa kollha, hekk kif ir-rata ta’ twelid qed tonqos.

Proprju kif aċċennat il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono fid-diskors tal-għeluq tal-konferenza nazzjonali, “L-Istat tan-Nazzjon” 2024, din hija kwistjoni importanti li trid tiġi indirizzata direttament hekk kif iċ-ċittadini Maltin ma jħossux li jagħmlu ċerti tip ta’ xogħol iżda kulħadd jistenna li dan ix-xogħol isir. Jekk inpoġġu ż-żewġ sitwazzjonijiet fuq il-miżien, nifhmu aħjar li hemm bżonnhom biex ma jkollnix żbilanċ.

Ma nistgħux ngħidu li m’hawnx iffullar u pressjonijiet infrastrutturali fil-gżira tagħna, iżda kif saħaq tajjeb il-Prim Ministru Robert Abela, il-gvern qed imexxi “tranżizzjoni” ekonomika, ibbażata fuq “kwalità kumplessiva”. Dik li l-kwalità tirbaħ fuq il-kwantità u għalhekk jinġiebu Malta bil-ħiliet meħtieġa.

Kollha naqblu li l-ekonomija ta’ Malta għandha tkompli tikber hekk kif il-progress “soċjali” jseħħ biss jekk l-ekonomija tal-pajjiż tikber. Aħna bl-ebda mod ma rridu nxxekklu l-ħolm u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Allura “iva għall-ħaddiema barranin fis-setturi meħtieġa għat-tkabbir ekonomiku, imma le għall-ħaddiema barranin li mhumiex meħtieġa.”

Ekonomija

Sport