Monday, April 14, 2025

IL-BATTALJA KONTRA L-KANĊER 

… Bir-riċerka, l-investiment u l-għaqda

Aqra wkoll

L-isfida tal-kanćer hija preżenti f’ħajjet eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin. Din il-marda kiefra hija t-tieni kawża ewlenija ta’ mwiet f’pajjiżna wara l-mard tal-qalb. Fostna hemm persuni – ġenituri, nanniet, kollegi, qraba u anke tfal li jgħaddu minn turment fiżiku, mentali u emozzjonali fi ġlieda għal ħajjithom kawża ta’ din il-marda. Marda li tolqot lil kull età, ġeneru u stat. Meta filgħodu nqumu b’saħħitna, verament għandna nirringrazzjaw xortina għax is-saħħa hija rigal u privileġġ li mhux kulħadd igawdi minnhom.

Il-passi li ttieħdu fl-aħħar snin f’Malta fil-qasam tal-onkoloġija huma inkoraġġanti. B’faċilitajiet moderni bħaċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo fejn il-pazjenti jgawdu minn servizzi ta’ kura li qabel  ma kellniex minnhom. L-innovazzjoni tal-kura personalizzata qiegħda issir dejjem aktar parti mill-protokolli b’terapiji li jinbnew fuq il-profil ġenetiku tal-pazjent. Din mhux biss hija kura aktar effettiva, imma wkoll inqas invażiva.

L-impenn tal-gvern f’dan il-qasam huwa b’saħħtu. Imsejjes fuq tliet pilastri tal-prevenzjoni, tad-djanjosi u tat-trattament rajna estenjoni fis-servizzi mediċi fil-kura primarja, kampanji strateġiċi u investiment. Saru u qegħdin isiru sforzi għal djanjosi bikrija li żżid iċ-ċansijiet li pazjent bil-kanċer ifieq. Fil-fatt, illum sitta minn kull għaxar pazjenti jgħixu aktar minn ħames snin wara d-dijanjosi, rati li jixhdu titjib fil-qasam mediku lokali. 

Rajna wkoll żieda f’tagħmir kruċjali fosthom MRI, CT Scan, Mammograpy, Ultrasound, PET-CT, SPEC CT, dak endoskopiku, radjoterapewtiku, MR Linac kif ukoll tagħmir għal kirurġija robotika u Ċentru tal-Prodotti tad-Demm u t-Tessuti. Magħhom hemm mediċini onkoloġiċi ġodda fil-formolarju tal-Gvern. Mil-lat edukattiv u għarfien pubbliku ġiet imnedija l-Mobile Unit tal-Fondazzjoni Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM). Barra tagħrif dwar screening, prevenzjoni u għixien b’saħħtu, dan l-aħħar proġett isaħħaħ ir-riċerka dwar il-kanċer f’pajjiżna. Riċerka importanti li twassal biex tonqos il-mortalità kawża tal-kanċer.

Fil-fatt, riżultati inkisbu b’wieħed fost l-aktar inkoraġġanti jkun minn rapport Ewropew fejn irriżulta li pajjiżna fl-2021 kellu l-inqas rata fl-Ewropa ta’ mwiet kawża tal-kanċer. Dan immarka tnaqqis drastiku ta’ 20% mill-għaxar snin ta’ qabel. Dan kollu huwa pożittiv u jsaħħaħ fina tama. Però, ma jfissirx li għandna nieqfu hawn jew inserrħu moħħna. Dan għax l-istess rapport wera li 25.6% tal-pazjenti Maltin għadhom imutu kawża tal-kanċer. 

Barra minnhekk lokalment għandna ħafna familji li xorta waħda jkollhom bżonn isiefru għal trattamenti barra minn Malta fosthom fir-Renju Unit. Huwa proprju għal pazjenti lokali li jmorru fir-Renju Unit li din il-ġimgħa se tittella’ l-Mixja ta’ bil-lejl tal-Ġimgħa l-Kbira. Hawn tidħol il-parti tagħna. Il-kontribut li għandna nagħtu fil-ġlieda kontra l-kanċer. Il-poplu Malti huwa magħruf għall-qalb kbira tiegħu u din hija okkażjoni li fiha niġbdu l-ħabel flimkien biex jinġabru fondi għall-pazjenti tal-kanċer tagħna ħalli jmorru barra minn xtutna. Inizjattiva tassew tajba fejn inħeġġu l-parteċipazzjoni ta’ kull min jista’ jmur għaliha.

Infakkru li l-kanćer ma jagħżilx. Jista’ jolqot lilna jew lil xi ħadd li nħobbu. Għalhekk, aktar minn qatt qabel nemmnu li rridu nkunu soċjetà li minflok tħares lejn il-kanċer bħala kundanna, tara fih sfida li tista’ tintlaħaq mhux biss bix-xjenza jew l-investiment, iżda wkoll b’umanità f’għaqda kollettiva. Nemmnu li l-kanċer mhuwiex biss battalja medika imma huwa wkoll battalja tal-qalb fejn kull pazjent għandu bżonn ta’ sostenn u mħabba. Huma inizjattivi bħalma hija din il-Mixja li jagħtuna ċ-ċans li nuru kemm aħna poplu ta’ qalb waħda, kompassjonali u ġeneruż.

Jekk tassew nemmnu li l-ħajja għandha valur, kull investiment f’dan il-qasam, inizjattivi u għaqda soċjali huma investiment fil-qlub tagħna stess… għax ngħinu lin-nies tagħna stess. F’dak kollu li għidna, Malta għandha r-rieda u l-potenzjal, kif ukoll viżjoni ċara u impenn konkret. Flimkien nistgħu nagħtu dik it-tama tant bżonnjuża lil dawk kollha fostna li qegħdin jiffaċċjaw l-aktar battalja diffiċli ta’ ħajjithom.

Jekk tassew nemmnu li ħajja għandha valur għandna nifhmu li l-ġlieda kontra l-kanćer mhiex biss tal-pazjenti milquta jew tal-istat imma hija ġlieda tagħna lkoll. Jekk pazjent jerbaħ il-battalja, nerbħu aħna lkoll.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport