Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard flimkien mal-amministrazzjoni u l-impjegati tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u dik tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol komplew bil-kampanja ta’ għarfien dwar il-helpline 138. Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat tas-sena niżlu f’diversi komunitajiet fosthom il-Belt, Tas-Sliema, Buġibba u Raħal Ġdid, fejn mhux biss setgħu jwieġbu għad-domandi taċ-ċittadini, imma qassmu wkoll fuljett informattiv lill-ħaddiema dwar dak kollu relatat mas-saħħa u s-sigurtà u l-kostruzzjoni.
“Dan l-intervent fil-komunitajiet jikkonferma l-impenn tagħna li mhux biss nippromwovu s-servizz ta’ dan il-helpline, imma wkoll inkomplu nisimgħu kif nistgħu nkomplu ntejbu dan is-servizz provdut liċ-ċittadini tagħna”, sostna l-Ministru Jonathan Attard.
Intant, skont l-aħħar statistika relatata ma’ dan is-servizz, fil-21 ġimgħa mill-bidu tiegħu daħlu total ta’ 14,474 telefonata, medja ta’ kważi 100 telefonata kuljum. Minn dawn it-telefonati kien hemm 11,311-il telefonata relatati mal-BCA u 3,163 telefonata relatati mal-OHSA.
L-iktar ġimgħa li fiha daħlu telefonati kienet bejn il-25 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru fejn daħlu 1,100 telefonata għal medja ta’ 157 telefonata kuljum, filwaqt li l-inqas ġimgħa li fiha daħlu telefonati kienet proprju l-ġimgħa bejn it-23 u d-29 ta’ Diċembru fejn minkejja l-jiem ta’ festi xorta daħlu 216-il telefonata għal medja ta’ 31 telefonata kuljum.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni l-Perit Roderick Bonnici min-naħa tiegħu spjega li s-servizz tal-138 ġab liż-żewġ awtoritajiet flimkien biex jilqgħu l-ilmenti tan-nies b’mod aktar effettiv biex ikunu jistgħu jindirizzawhom skont kif meħtieġ. Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu għar-rispons tan-nies waqt dawn is-sessjonijiet fil-komunitajiet fejn bħala awtoritajiet setgħu jkomplu jifhmu x’jista’ jsir biex ikompli jitjieb dan is-servizz.
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Josianne Cutajar żiedet tgħid li l-OHSA hija riżorsa għal kull ħaddiem f’pajjiżna li ġej minn kwalunkwe settur u permezz ta’ din il-helpline, mhux biss kompliet tissaħħaħ din ir-riżorsa, imma din hija linja diretta ta’ kif dak li jkun jista’ jirrikorri għall-awtorità b’mod aktar effiċjenti.