Monday, November 4, 2024

Il-bejgħ ta’ Manchester United isir aktar ikkumplikat?

Aqra wkoll

Wara li fil-jiem li għaddew ġie rrapportat li l-bejgħ tal-club ta’ Manchester United wasal fil-konklużjoni tiegħu fejn Sir Jim Ratcliffe huwa l-kandidat preferut li jkun is-sid il-ġdid tar-Red Devils, issa rapporti ġodda qed isostnu li kemm Ratcliffe kif ukoll Sheikh Jassim tal-Qatar jinsabu fid-dlam dwar il-ħsieb tal-Glazers u l-iskeda tagħhom tal-bejgħ.   

Sorsi qrib iż-żewġ offerenti jħossu li stej­jer dwar Ratcliffe li huwa l-kandidat preferut jistgħu jkunu parti minn  logħba strateġika mill-bankiera ta’ New York, Raine, biex issir offerta akbar miż-żewġ partijiet. 

Huwa mifhum li t-team ta’ Ratcliffe ma  ngħata l-ebda indikazzjoni ta’ fejn jinsab bħalissa iżda jħossu komdu li l-offerta tiegħu li jħalli lil Glazers b’sehem ta’ 20% fil-club hija l-aktar attraenti.

Fil-veritá ma hemm l-ebda ċarezza dwar dan il-ftehim minħabba li 31% oħra tal-ishma huma proprjetà ta’ azzjonisti mhux tal- Glazers.

Iżda jekk Ratcliffe xtara 49% tal-ishma attwali ta’ 69% tal-Glazers għal mill-inqas £2.5 biljun, ikun jista’ jistma lill-klabb għal aktar minn £5 biljun.

Il-prezz tal-ishma tal-United fil-Borża ta’ New York kien waqa’ għal $18.12 (£14.54) sal-għeluq tal-kummerċ nhar il-Ġimgħa, u ta lill-club limitu tas-suq ta’ $2.96 biljuni (£2.38bn).

Kwalunkwe bejgħ ‘il fuq minn £5 biljun ikun straordinarju, u għaldaqstant jidher li Raine u l-Glazers għadhom jaħsbu li jistgħu jiksbu aktar flus biex ibiegħu.

Dawk li jafu mill-qrib u huma konxji tal-pjani tax-Sheikh Jassim, antiċipaw din is-sitwazzjoni ta’ “rkant” mill-Glazers hekk kif it-talba oriġinali tal-Amerikani kienet ta’ £6 biljuni. Peró l-Qatari wasal sa £5 biljuni. 

Iżda kulħadd għadu fid-dlam u bla risposta meta d-deċiżjoni finali tista’ tittieħed għal min se jkun is-sid il-ġdid.  

Min-naħa l-oħra, hemm aċċettazzjoni li Raine u l-Glazers jistgħu sempliċement qed jippruvaw jimmassimizzaw il-prezz tal-bejgħ …. iżda Sheikh Jassim mhuwiex se jiċċaqlaq mill-offerta tiegħu ta’ £5 biljuni għall-kontroll assolut tat-tmexxija tal-club.

Issa sar magħruf li l-Glazers qed jitolbu £6 biljun minħabba li huma jkollhom dritt għas-somma ta’ £4.14 biljuni, li hija 69% tal-ishma tagħhom fil-club.

Jekk jaċċettaw il-£5 biljuni mill-offerta tal-Qatari … huma jieħdu £3.45 biljuni li mbagħad iridu jinqasmu bejn sitt aħwa wara t-taxxa. 

Skond sorsi qrib il-club qalu li:  “Fl-aħħar mill-aħħar huwa f’idejn il-Glazers x’iridu jagħmlu u fejn se jmorru minn dan il-punt ‘il quddiem.

“Il-proċess dejjem kien wieħed fluwidu u, b’mod kruċjali, qatt ma kellu qafas ta’ żmien stabbilit – għalkemm huwa ċar li l-partitarji jixtiequ li din is-saga tintemm kemm jista’ jkun malajr minħabba li ninsabu fuq l-għatba tas-suq tat-trasferimenti.”

Filwaqt li l-familja Glazer m’għandha l-ebda għaġġla biex tbiegħ, din is-sitwaz­zjoni tista’ toħloq kaos kbir li se tnissel rabja kbira fost il-partitarji li jridu lill-Amerikani jitilqu mill-club minnufih. Iżda jidher li l-Glazers iridu jibqgħu f’Old Trafford.  

Sport