Saturday, October 26, 2024

Il-bejgħ tal-propjetà fl-aqwa livelli anke ta’ qabel il-pandemija

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Bejn Ġunju u Ottobru ġew iffirmati aktar minn 6,900 konvenju, b’valur totali ta’ €1.5 biljun. B’hekk l-attività f’dawn l-aħħar ħames xhur kienet kważi d-doppju ta’ dik fil-ħames xhur ta’ qabel. Filfatt bejn Jannar u Mejju kienu ffirmati konvenji b’valur ta’ anqas minn €0.9 biljun.

Esperti fis-settur innutaw li huwa ċar li l-miżura tat-tnaqqis fil-boll li tħabbret fil-bidu ta’ Ġunju bħala parti mill-pjan għar-riġenerazzjoni ekonomika kienet fundamentali biex is-settur tal-propjeta ma ġġamjax. Filfatt f’April u Mejju saru anqas minn 1,100 konvenju kontra madwar 2,500 konvenju li kienu saru fl-istess xhur fl-2019 u madwar 2,900 konvenju li kienu saru fl-istess xhur fl-2018.

Malli tħabbret il-miżura s-suq tal-propjeta beda jieħu r-ruħ. Ġa fix-xahar ta’ Ġunju kien hemm titjib ta’ 140 konvenju fuq l-istess xahar fl-2019. Dan kien segwit b’xahar rekord f’Lulju fejn saru kważi 650 konvenju aktar mis-sena ta’ qabel. F’Awwissu u Settembru iż-żieda fin-numru ta’ konvenji kienet l-istess, fir-reġjun ta’ aktar minn 180 konvenju iżjed mill-istess xhur tal-2019. F’Ottubru, imbagħad reġa kien hemm aċċelerazzjoni fir-rata ta’ tkabbir, b’żieda ta’ kważi 260 konvenju fuq l-2019.

F’kull xahar mindu tħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika sar fihom ammont rekord ta’ konvenji fl-istorja ta’ pajjiżna. B’riżultat ta’ dan f’termini ta’ numru ta’ konvenji fl-ewwel għaxar xhur tal-2020 saru l-istess ammont ta’ konvenji li kienu saru fl-istess xhur tal-2019, minkejja li din is-sena kellna pandemija.

F’Ottubru l-valur ta’ konvenji li saru kien ilaħħaq aktar minn €370 miljun. Dan huwa mitt miljun ewro aktar mill-valur tal-konvenji li kienu saru f’Ottubru 2019. F’termini ta’ valur dan huwa rekord ta’ bejgħ f’xahar wieħed għajr għal Marzu 2018.

Is-suċċess miksub f’Ottubru ssorprenda lill-esperti fil-qasam għax dawn kienu ħasbu li r-rata ta’ aċċelerazzjoni fil-bejgħ kienet ser tmanja wara ż-żidiet spettakolari li kienu seħħew f’Lulju u Awwissu. F’dawk ix-xhur, speċjalment f’Lulju, kien hemm numru ta’ persuni li setgħu finalment imorru jagħmlu konvenju għax l-operat tal-banek kien reġa għan-normal wara xhur li fihom kien hemm limitazzjonijiet kbar fil-ħruġ ta’ loans.

L-aċċelerazzjoni riċenti fil-bejgħ ta’ propjeta tindika li l-kunfidenza ekonomika qed tkompli tisaħħaħ. Element importanti jidher li hu l-fatt li l-qgħad qed ikompli jonqos b’rata ferm inkorraġanti, fejn sa tmiem Ottobru jidher li kważi żewġ terzi ta’ dawk li kienu tilfu impjieg minħabba l-pandemija issa qegħdin lura jaħdmu. Filfatt ħafna ażjendi li jiddependu mill-COVID Wage Supplement laqgħu t-tħabbira fil-baġit li anke ħaddiema ġodda ser jiġu kkunsidrati għal dan is-sostenn.

Statistika uffiċjali oħra tindika li wara li bejn Frar u Mejju, l-ammont ta’ dejn maħruġ għal xiri ta’ propjeta kien naqas fi tlett xhur minn erbgħa, minn Ġunju’ l quddiem dan irritorna f’territorju positiv. B’kollox minn Ġunju kien hemm żieda ta’ €150 miljun f’djun ġodda għal xiri ta’ propjeta. Dan jikkumpara tajjeb ma dak li kien seħħ fl-istess żmien fl-2019.

B’kuntrast għal pajjiżi oħra fejn il-pandemija qed twassal għal nuqqas ta’ kunfidenza fost il-familji, jidher li f’Malta l-miżuri li ħa l-Gvern biex jistabilizza s-suq tax-xogħol u dak ta’ propjeta qed ikunu l-bażi tar-resiljenza tal-ekonomija lokali.

Sport