Sunday, December 22, 2024

IL-BEJGĦ TAL-PROPJETÀ KIEN AKTAR MINN DAK IMBASSAR

Aqra wkoll

Is-suq tal-proprjetà għadu jidher li huwa wieħed b’saħħtu tant li qabeż dak li kien imbassar. Dan huwa konfermat mill-fatt li xahar wara l-ieħor, dan is-settur qed ikompli juri r-reżiljenza tiegħu fejn saħansitra qiegħed ukoll jaqbeż l-aspettattivi.

Dan joħroġ b’mod ċar mill-ammont ta’ konvenji u kuntratti ġodda li qed jiġu reġistrati f’Malta u f’Għawdex. Dan qed jiġġenera flus fl-ekonomija nazzjonali.
Dan l-aħħar, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) ħabbret kif ix-xahar ta’ Frar qabeż kull aspettattiva, b’żieda sostanzjali ta’ 29% fil-valur tal-konvenji u żieda ta’ €85 miljun meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena l-oħra. Din hija prova tal-affluwenza li hawn pajjiżna llum.

Fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena biss kien hemm 17% tal-bejgħ kollu reġistrat fl-2022. Għalhekk dan juri wkoll il-fiduċja tal-Maltin fis-suq tal-proprjetà tant li anke matul il-perjodu tal-Covid baqa’ għaddej b’ritmu tajjeb.

Żvilupp bħal dan ma jiġix b’kumbinazzjoni imma warajh ikun hemm diversi fatturi li jinkoraġġuh fosthom l-għajnuna li qed tingħata mill-istat lil dawk li jridu jixtru proprjetà għall-ewwel darba.

Dan huwa rifless ukoll illi fl-ewwel ġimgħa mill-ftuħ tal-applikazzjonijiet għall-għotja ta’ €1,000 kull sena fuq medda ta’ 10 snin, il-Maltin, inkluż żgħażagħ, wieġbu madwar 600 persuna biex jibbenefikaw minn din l-iskema. Huwa stmat li fl-ewwel sena ta’ din l-iskema se jibbenefikaw minnha xejn inqas minn 3,000 first time buyer.

Dan is-settur kien dejjem fil-qalba tal-kontroversja bejn l-iżvilupp u t-tħaris tal-ambjent. F’dawn l-aħħar snin, ittieħdu miżuri fosthom dik li tinkoraġġixxi x-xiri ta’ proprjetà battala fil-qalba tal-ibliet bil-għan li tnaqqas il-pressjoni fuq artijiet biex jiġu żviluppati.

Is-settur tal-proprjetà minbarra li ġġenera flus fl-ekonomija jħaddem bosta nies miegħu. Għalhekk wieħed m’għandux fejn inaqqas mill-importanza ta’ dan is-settur. Madankollu, xorta nemmnu li għandu jkun hemm bilanċ l-iżvilupp u s-sostenibbiltà ambjentali. Dan jista’ jsir billi l-poplu jkun aktar konxju illi l-iżvilupp li se jkun qed isir ma jkunx detrimentali għall-ambjent fiżiku u naturali.

Ekonomija

Sport