Il-Belt Valletta, il-kapitali storika ta’ Malta, reġgħet poġġiet isimha fuq il-mappa internazzjonali. Din il-ġimgħa, is-Sindku Olaf McKay indirizza l-‘World Conference on Tourism Cooperation and Development 2025’ li saret f’Beijing. Din hija meqjusa bħala waħda mill-aktar konferenzi importanti għad-dinja tat-turiżmu, pajjiżi parteċipanti mill-Awstralja, Indja, l-Ingilterra, l-Afrika t’Isfel, il-Pakistan, Sri Lanka, in-New Zealand, il-West Indies, iż-Żimbabwe, il-Ġermanja, il-Marokk u l-Bangladexx.
Il-Federazzjoni Dinjija tal-Bliet tat-Turiżmu (il-WTCF), hija federazzjoni internazzjonali li tgħaqqad flimkien bliet u destinazzjonijiet ewlenin tat-turiżmu minn madwar id-dinja, bl-iskop li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi u prattiċi tajbin fil-qasam turistiku. Din is-sena, waqt il-‘World Conference on Tourism Cooperation and Development’ il-Belt Valletta ħadet sehem b’mod attiv bħala membru uffiċjali tal-Federazzjoni. Permezz ta’ din il-konferenza prestiġjuża, il-Belt Kapitali ta’ Malta qed tikkonsolida r-rwol tagħha bħala belt Mediterranja b’viżjoni globali, li tħaddan turiżmu sostenibbli, diġitali, wirt storiku, filwaqt li toffri valur miżjud kemm lill-viżitaturi kif ukoll lir-residenti tagħha.

Bit-tema “Digital & Intelligent Tourism for a Shared Future”, is-Sindku McKay tenna kif il-Belt Valletta hija kemm Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO kif ukoll komunità ħajja u moderna. Fakkar li s-sena d-dieħla l-Belt se tiċċelebra l-460 anniversarju tagħha, pass ieħor li jfakkar fir-rwol dejjiemi tal-Belt Valletta fl-istorja, il-kultura u l-innovazzjoni.
Is-Sindku tkellem dwar il-futur tal-Belt kif qed titħaddan l-innovazzjoni diġitali filwaqt li l-wirt stroriku u r-residenti beltin jiġu protetti. Mill-AI monitoring systems għall-indafa u s-sigurtà, għall-immaniġġjarintelliġenti tal-iskart, minn soluzzjonijiet ta’ mobilità sostenibbli ghal ambjent aħjar.

“Il-Belt Valletta mhijiex biss monument tal-passat – hija belt kapitali ħajja, Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO li ġġorr magħha sekli ta’ storja iżda tħares b’saħħitha lejn il-futur. Id-dmir tagħna huwa ċar: li nipproteġu l-wirt, inpoġġu lir-residenti fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni u nużaw l-innovazzjoni diġitali biex nagħmlu turiżmu aktar sostenibbli u inklużiv. Hekk kif qed noqorbu lejn l-460 anniversarju tal-Belt Valletta, qed nuru kif l-istorja u l-innovazzjoni jistgħu jimxu id f’id biex jibnu futur li jġib ġid kemm lill-komunità tagħna kif ukoll lill-viżitaturi.”
“Onestament, ninsab impressjonat bir-rispett u l-apprezzament li l-poplu Ċiniż għandu lejn Malta u l-Maltin. Dan ir-rispett jagħtina kuraġġ biex inkomplu nsaħħu l-ħbiberija u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi” kompla jghid is-Sindku Olaf McKay.
Il-messaġġ tas-Sindku li l-istorja u l-innovazzjoni jistgħu jaħdmu tajjeb flimkien intlaqa’ tajjeb ħafna f’Beijing.
