Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mit-Turiżmu, Apostolos Tzitzikostas, sejjaħ it-tielet Djalogu Strateġiku ma’ sindki ta’ destinazzjonijiet turistiċi ewlenin fl-Unjoni Ewropea. Għal din il-laqgħa attendew ukoll rappreżentanti urbani u reġjonali li għandhom rwol attiv fit-tfassil tal-politika Ewropea dwar it-turiżmu sostenibbli. L-għan ewlieni kien li jiġu diskussi l-isfidi marbuta ma’ turiżmu sostenibbli u jiġu identifikati miżuri konkreti biex jiġi mbuttat aktar l-immaniġjar tat-turiżmu bbilanċjat b’mod partikolari fil-bliet.
Il-parteċipazzjoni tal-Belt Valletta f’dan id-djalogu ta’ livell għoli fi Brussell kienet pass sinifikanti li jikkonferma kif il-vuċi ta’ Malta qed tinstema’ dejjem aktar fuq livell Ewropew. Din kienet okkażjoni importanti mhux biss għall-belt kapitali, iżda wkoll għall-pajjiż kollu, fejn ġew diskussi kemm l-isfidi kif ukoll l-opportunitajiet tat-turiżmu sostenibbli, b’enfasi ċara li r-residenti għandhom jibqgħu fil-qalba tal-politika.
Waqt l-intervent tiegħi wassalt il-messaġġ li dan kien mument importanti biex inwasslu l-vuċi tal-Belt Valletta u tar-residenti tagħna fil-livell Ewropew. Nemmen f’turiżmu sostenibbli li joħloq opportunitajiet ekonomiċi iżda li fl-istess ħin jirrispetta lill-komunitajiet u lill-identità tal-bliet tagħna. Il-futur għandu jkun ibbażat fuq bilanċ, kwalità u viżjoni fit-tul.
Dan id-djalogu kiseb importanza akbar fid-dawl tal-fatt li għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kummissjoni Ewropea ġiet assenjata responsabbiltà speċifika għat-turiżmu lill-Kummissarju. Din id-deċiżjoni tirrifletti r-rwol strateġiku li qed jikseb dan is-settur fil-futur ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Ewropa. Għal pajjiżi bħal Malta u għal bliet storiċi bħall-Belt Valletta, dan huwa sinjal ċar li l-Unjoni Ewropea qed tagħraf aħjar il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku, il-ħarsien tal-wirt u l-kwalità tal-ħajja.
Il-Belt Valletta, bħala sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO u ċentru urban b’attrazzjoni turistika qawwija, għandha rwol partikolari f’din id-diskussjoni. Il-viżjoni hija waħda li tpoġġi l-enfasi fuq il-kwalità aktar milli fuq il-kwantità, u li tippromwovi turiżmu li joffri esperjenza sinifikanti lill-viżitaturi filwaqt li jipproteġi l-identità u l-komunità lokali.
Id-djalogu sar ukoll fil-kuntest tal-ħidma fil-Parlament Ewropew, fejn ġie adottat b’appoġġ sħiħ rapport dwar it-turiżmu sostenibbli mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, bl-involviment tal-MEP Malti Daniel Attard.
Din il-laqgħa kkonfermat li Malta tinsab fit-triq it-tajba lejn mudell turistiku aktar sostenibbli. Il-Viżjoni 2050 tal-Gvern Malti tidentifika t-turiżmu bħala wieħed mill-pilastri ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiż. L-għan huwa li jiġi promoss turiżmu ta’ valur miżjud, b’investiment f’infrastruttura aħjar, tnaqqis tal-pressjoni ambjentali u użu aktar effiċjenti tat-teknoloġija u d-data.
Fl-istess ħin, qed jiżdied l-apprezzament lejn esperjenzi awtentiċi, il-wirt kulturali, il-festi tradizzjonali u l-mużewijiet, elementi li jagħmlu lil Malta destinazzjoni unika u kompetittiva.
Bħala Sindku tal-Belt Kapitali ressaqt ukoll il-proġett pilota li qed jitmexxa fil-Belt Valletta taħt it-tmexxija tad-Deputat Prim Ministru Ian Borg, bħala eżempju konkret ta’ kif koordinazzjoni bejn entitajiet differenti tista’ twassal għal bilanċ bejn turiżmu sostenibbli u kwalità ta’ ħajja aħjar għar-residenti.
Fost it-temi diskussi kien hemm ukoll l-istrateġija Ewropea l-ġdida għat-turiżmu li mistennija tiġi varata aktar tard din is-sena, il-kwistjoni tal-aċċessibbiltà, u inizjattivi relatati mad-data li se jgħinu lill-ibliet Ewropej jieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati f’dan is-settur.
Il-messaġġ li ħareġ minn Brussell huwa wieħed ċar u inkoraġġanti: Malta u l-Belt Valletta qed juru li huwa possibbli li jinkiseb bilanċ bejn l-iżvilupp ekonomiku u sostenibbiltà reali. Din hija direzzjoni li mhux biss tindirizza l-isfidi tal-lum, iżda tibni wkoll pedamenti sodi għall-futur tat-turiżmu f’pajjiżna u fl-Ewropa.

