Iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef tkellem dwar l-attivitajiet li kien hemm fil-Belt Valletta f’dawn iż-żminijiet ta’ festi u qal li llum il-Belt qiegħda tħabbatha mal-aqwa bliet fl-Ewropa.
Hu kkummenta li “meta jaslulna l-ahbarijiet dwar kif illum il-Belt Valletta qed tħabbatha sew mal-aqwa bliet fl-Ewropa, u fid-dinja, jimlewna b’ferh u sodisfazzjon kbir. Fl-aħħar ġimgħat, wieħed mill-akbar portals turistiċi fl-Ewropa, Travel Platform, ippubblika stħarriġ fejn irriżulta li din is-sena l-Belt Valletta hi t-tielet l-aktar kapitali favorita mill-Ewropej biex tqatta lejlet l-1 tas-sena, saħansitra qabel Londra, Berlin u Vienna. Mhux ċajta.”
Kompla jgħid li “imbagħad, ir-rivista u portal internazzjonali Pubity, li għandha ‘lfuq minn 42 miljun segwaċi, ikklassifika s-Sigra tal-Milied fil-Belt Valletta, ma’ fost l-isbaħ jew l-aqwa 10 Siġar tal-Milied għal din is-sena madwar id-dinja. Dawn ir-riżultati huma xhieda ħajja tax-xogħol kbir li wettaqna fil-Belt Valletta mis-sena 2013 sa llum. Grazzi għall-viżjoni, u l-pjan ta’ ħidma kbira li kellna qabel is-sena 2018, is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u s-snin ta’ wara bit-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, li hi responsabbli mill-akbar attivitajiet u avvenimenti kulturali fil-Belt Valletta sena wara l-oħra, li jinkludi wkoll il-programm ta’ xahar t’attivitajiet u tiżjin tal-Milied, ‘Christmas in the Capital’”.



