Id-Djalogu tas-Sindki tal-Bliet Kapitali f’Nikosija
Il-Belt Valletta kienet rappreżentata fil-15-il edizzjoni tal-Annual Direct Dialogue between EU Capital City Mayors and the European Commission, li sar f’Nikosija, f’Ċipru bejn il-ħmistax u s-17 ta’ Frar.
Il-konferenza laqqgħet flimkien is-Sindki tal-bliet kapitali tal-Unjoni Ewropea flimkien ma’ rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u Ministri tal-Gvern Ċiprijott
Preżenti għal din l-okkażjoni, is-Sindku tal-Belt Valletta, Olaf McKay, qal:
“Għalkemm il-Belt Valletta hija l-iżgħar belt kapitali fl-Unjoni Ewropea, l-ambizzjoni tagħna mhijiex waħda żgħira. Aħna belt kapitali bi storja qawwija b’relevanza dinjija. L-Ewropa trid tirrikonoxxi li anke l-iżgħar bliet kapitali huma laboratorji strateġiċi għall-innovazzjoni, sostenibbiltà u koeżjoni soċjali. Il-prijorità tagħna tibqa’ waħda ċara, li r-residenti jibqgħu fiċ-ċentru tal-politika tagħna.”
L-avveniment, organizzat mill-Muniċipalità ta’ Nikosija, seħħ waqt il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-binja storika tal-Kunsill Lokali ta’ Lefkosia (D’Avila Bastion), spazji li jissimbolizzaw ir-rwol ċentrali tal-awtoritajiet lokali fil-politika Ewropea. Is-Sindku ta’ Nikosija, Charalambos Prountzos, mexxa d-diskussjonijiet li ffukaw fuq il-politika urbana, it-tisħiħ tal-kollaborazzjoni bejn il-bliet kapitali u kif l-ibliet jistgħu jkunu msieħba b’mod strateġiku fit-tfassil tal-prijoritajiet Ewropej fil-qafas finanzjarju l-ġdid 2028–2034.
Ġiet enfasizzata l-ħtieġa li l-politiki Ewropej, inkluż skemi bħall-Politika ta’ Koeżjoni u Horizon Europe, jaħdmu b’mod aktar integrat, b’inqas frammentazzjoni u mingħajr burokrazija żejda, sabiex l-ibliet ikollhom aċċess aktar dirett u effettiv għall-fondi u l-investiment.
Fi tmiem il-konferenza ġiet adottata d-Dikjarazzjoni ta’ Nikosija, li tirrikonoxxi lill-ibliet bħala msieħba strateġiċi fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika Ewropea, b’enfasi fuq governanza f’diversi livelli u involviment aktar dirett tal-ibliet.
Matul iż-żjara f’Ċipru, saru wkoll laqgħat bilaterali bejn is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay u s-Sindku tal-Muniċipalità ta’ Nikosija, fejn ġew diskussi proġetti ta’ sostenibbiltà urbana, adattament għall-bidla fil-klima u inizjattivi relatati mar-riġenerazzjoni ta’ spazji storiċi. Iż-żewġ naħat esprimew interess li jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġt ibliet kapitali, inkluż skambju ta’ prattiċi dwar mobilità sostenibbli, effiċjenza fl-enerġija u proġetti kulturali konġunti fil-futur qarib.
Il-konferenza inkludiet inizjattivi kulturali, fosthom l-esebizzjoni Medjevali ta’ Lefkosia, li tkompli turi l-importanza tal-identità storika fil-qafas tal-politika urbana Ewropea- tema relatat mill-qrib mal-identità tal-Belt Valletta bħala Sit tal-Wirt Dinji tal-UNESCO.
Il-parteċipazzjoni tal-Belt Valletta tikkonferma l-impenn tagħha li tibqa’ attiva fuq livell Ewropew, anke bħala l-iżgħar belt kapitali fl-Unjoni Ewropea. Fost il-punti mqajma kien hemm il-ħtieġa li l-ibliet storiċi jingħataw rikonoxximent speċjali għall-isfidi partikolari tagħhom.
Din il-preżenza f’fora Ewropej ta’ dan il-livell tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-Belt Valletta bħala kapitali li, minkejja d-daqs tagħha, għandha vuċi ċara u viżjoni konkreta għall-futur.

