Tuesday, November 4, 2025

Il-Belt Victoria mal-finalisti biex tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031

Aqra wkoll

Wara snin ta’ preparazzjoni, il-Belt Victoria ġiet magħżula mal-finalisti biex tkun bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031.

Kien il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri li ħabbar dan permezz ta’ post fuq il-midja soċjali.

Il-Ministru kiteb li “llum b’sodisfazzjoni nikkonferma li Għawdex għadda għal fażi oħra sabiex jiġi rikonoxxut bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2031.”

Jikteb li kien fis-7 ta’ Diċembru, 2020 meta fil-Parlament ħabbar li Għawdex se jkun kandidat biex jieħu dan it-titlu prestiġjuż.

“Dan jirrifletti l-viżjoni tagħna għal Għawdex Gżira ta’ Villaġġi għaliex l-istrateġija għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex tirreferi għal dan u tgħid li inizjattivi bħal dawn għandhom jiġu appoġġjati u fl-istess waqt isiru sforzi biex jivvalorizzaw il-patrimonju u l-identità Għawdxija. M’għandniex dubju li Għawdex bħala reġjun sħiħ għandu l-kredenzjali biex ikun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura,” kiteb il-Ministru Camilleri.

Hu kompla jikteb li “wegħedt li se nagħmel ħilti, u persważ li miegħi hemm is-soċjetà Għawdxija kollha sabiex fl-2031, il-Belt Victoria u magħha Għawdex, ikunu l-ambaxxaturi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha bit-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. L-għan tagħna huwa fuq kollox li s-suċċess ta’ Valletta 2018 jasal ukoll f’Għawdex. Grazzi b’mod partikolari tal-ħidma tagħhom lill-President tar-Reġjun Samuel Azzopardi u s-Sindku tar-Rabat Brian Azzopardi. Il-Ministeru għal Għawdex se jkompli jgħin bis-sħiħ din in-nomina. Inkomplu naħdmu!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport