Bħalissa l-ekonomiji Ewropej u l-mudelli soċjali qed jaffaċċjaw numru ta’ sfidi: il-kriżi kkawżata mill-mewġiet sussegwenti tal-pandemija Covid-19, id-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni, l-adattament għar-rekwiżiti tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (EU Green Deal) u ħafna aktar fatturi fuq livell nazzjonali u settorjali. In-negozji jridu jippreparaw ruħhom għal dawn iċ-ċirkostanzi li jinbidlu u jimplimentaw strateġija effettiva għall-ġestjoni tal-bidla.
Wara li ftit xhur ilu kienet ittellgħet konferenza fil-binja tal-GWU bħala parti minn dan il-proġett WIN, rappreżentanti tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi attendew għal konferenza f’Bucharest li matulha ddiskutew kif hawn Malta l-ħaddiema javvanzaw ‘il quddiem fosthom fiis-salarji permezz tal-ftehim kollettivi. Ftehim li li qabel ma jiġi implimentat jiġi diskussu maqbul bejn il-ħaddiema membri.
Waqt ir-rapport dwar Malta ssemma’ proprju l-każ meta l-kumpanija MOBC meta għaddiet f’idejn il-privat u kienet proprju t-trejd unjin GWU li ħadmet u ggwidat lill-ħaddiema li kienu jaħdmu magħha bħala parti mis-settur pubbliku biex għaddew għal postijiet oħrajn fis-settur pubbliku.
Dan huwa proġett internazzjonali ta’ riċerka li matulu saru diversi diskussjonijiet dwar il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza tal-informazzjoni u l-konsultazzjonijiet u l-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Dan il-proġett li qed isir flimkien ma’ unjins oħrajn u assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, b’sapport mill-Unjoni Ewropea biex jiżdied l-għarfien tar-rappreżentanti tal-postijiet tax-xogħol għall-prevenzjoni ta’ kunflitti waqt it-teħid tad-deċiżjonijiet.