“Il-benesseri tal-annimali jirrigwarda r-responsabbiltà, ir-rispett u l-azzjoni. Flimkien nistgħu nibnu kultura fejn il-ħlejjaq jiġu ttrattati b’dinjità u mħabba. Għalija, kull pass favur l-annimali huwa pass lejn soċjetà aktar ġusta, empatika u umana.”
Qalet dan Dr Fleur Abela, f’kummenti ma’ dan il-ġurnal ftit sigħat wara li nħatret bħala l-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fejn wara t-tmiem tal-kariga ta’ Alison Bezzina, Dr Abela se tibda fil-kariga fil-bidu ta’ Novembru. L-għan ewlieni tal-Kummissarju jibqa’ li jippromwovi u jħares il-benesseri tal-annimali u jassigura d-drittijiet tagħhom f’Malta u Għawdex.

Meta tkellimna ma’ Dr Abela, il-kelma “passjoni” spikkat minnufih, hekk kif l-imħabba tagħha lejn l-annimali mhix xi ħaġa ġdida, iżda parti integrali minnha sa minn meta kienet tifla. “Niftakar meta kelli ħames snin u l-mamà ġabet qattus id-dar, fejn ġej mill-iskola u minn taħt il-kutra ħareġ qattus żgħir, Kris-Kris,” tgħid bi tbissima. “Minn dak il-jum bdejt inħoss għal dawn il-kreaturi b’mod profond. Għalija l-annimali huma terapija, familja u ħbieb.”
Tul is-snin, din l-imħabba saret sens ta’ responsabbiltà. “L-annimali m’għandhomx vuċi, u aħna rridu nkunu l-vuċi tagħhom,” tgħid b’serjetà. “Din hi l-missjoni tiegħi – li nipproteġi lil dawk li ma jistgħux jipproteġu lilhom infushom.”
Dr Abela gradwat fil-liġi mill-Università ta’ Malta fl-2018 u kompliet l-istudji f’Università Londra, fejn wara fil-professjoni legal ħadmet fuq proġetti relatati mad-drittijiet umani, it-tfal u l-annimali. Illum hija avukat fil-liġi ċivili, tal-familja, u id-drittijiet tal-bniedem, u temmen li l-għarfien legali tagħha – inkluż ta’ kitba tal-liġijiet – se jkun pedament kruċjali f’din il-kariga.
“Il-liġi tagħti qafas, imma l-empatija tagħti ruħ lil dak il-qafas,” tispjega. “Ma tistax tħares lejn id-drittijiet tal-annimali biss minn lat legali. Hemm dimensjoni morali, emozzjonali u soċjali li rridu nindirizzaw.”

Hi temmen li s-soċjetà Maltija għamlet progress sinifikanti fil-benesseri tal-annimali, bi żieda fl-għarfien pubbliku u fl-għadd ta’ professjonisti fil-qasam. “Illum għandna ħafna iktar kuxjenza dwar kif għandna nittrattaw lill-annimali, imma dejjem hemm iktar xi jsir.”
Esperjenza personali reċenti kkonfermat il-konvinzjoni tagħha: “Il-kelb tiegħi salvali ħajti. Addottajtu mill-Animal Welfare wara li rajtu fuq il-paġna “Rescued is my favourite breed”. Argo tani raġuni biex inħares lejn kull ġurnata bl-lenti posittiva, meta forsi kont tlift dak l-apprezzament li llum reġa’ għandi. L-annimali għandhom poter li ħafna drabi ma nifhmuhx – il-kapaċità li jħossu, iħobbu u jkunu leali. Dik hi xi ħaġa li napprezza ħafna.”
Skont Dr Abela, annimal jista’ jkollu wkoll rwol terapewtiku. “Rajna tfal bl-awtiżmu li jiftħu ruħhom grazzi għal kelb, qattus jew żwiemel. Hemm ukoll therapy dogs għal min ibati mid-dipressjoni, ansjetà jew PTSD. F’dinja mgħaġġla bħal tagħna, annimal jista’ jkun il-kalma f’nofs il-kaos – iżda jibqà l-obbligu li nieħdu ħsiebhom bħal membru tal-familja”.
Dwar ir-rwol tagħha bħala Kummissarju, hi tgħid b’mod ċar u ton serju” Hemm ħafna xogħol xi jsir, imma jiena qiegħda hawn biex nisma’, naġixxi u nressaq il-prijoritajiet. L-għan tiegħi mhux biss li nkun vuċi imma li nsaħħaħ ir-responsabbiltà kollettiva – li kulħadd iħoss li għandu sehem fil-ħarsien tal-annimali.”
Waħda mill-isfidi ewlenin hija n-nuqqas ta’ riżorsi. “Jeħtieġ li jkollna sptar veterinarju miftuħ 24 siegħa kuljum, mhux biss għal emerġenzi imma biex ma jibqgħux annimali jsofru għan-nuqqas ta’ għajnuna.” Hi tħeġġeġ ukoll iktar koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, NGOs u ċittadini: “Il-protezzjoni tal-annimali trid tkun ħidma kollettiva.”
Hija tgħid li l-Milied huwa żmien fejn ħafna nies jagħtu annimali bħala rigali, xi ħaġa li hi tqis bħala riskjuża. “Annimal mhux oġġett. Jekk trid tagħti rigal, agħti ktieb jew xi ħaġa oħra, imma annimal trid tkun lest tieħu ħsiebu.”
Minkejja l-progress, Dr Abela tgħid li hemm bżonn ta’ infurzar iktar b’saħħtu tal-liġijiet. “Meta n-nies raw sentenza iebsa kontra min abbuża minn annimali, kienet rifless ta’ bidla fil-mentalità. L-opinjoni pubblika għandha saħħa kbira – meta l-poplu jitkellem favur l-annimali, il-liġijiet jimxu magħha.”
Hi temmen li kull każ ta’ abbuż għandu jittieħed bis-serjetà. “Il-vjolenza fuq l-annimali ħafna drabi turi problemi aktar profondi f’min wettaq ir-reat, però il-punt jibqà li dan l-għaġir mhux ġustifikabbli.”
Għal Dr Abela, il-bidla vera trid tibda mill-edukazzjoni. “Jekk inrawmu lit-tfal biex iħossu għal ħlejjaq oħra, inkunu qed nibnu ġenerazzjoni aktar empatika. Il-ħlewwa lejn l-annimali hija miżura tal-karattru. Jekk ma tistax tħobb annimal, diffiċli tħobb lil proxmu. Ankè minn jibża minn annimal kapaċi jħobbu, u jħoss għalih.”
Hi tħares lejn il-kariga b’ottimiżmu u b’mod realistiku. “Nixtieq li Malta ssir pajjiż fejn l-annimali jitħarsu mhux biss mil-liġi, imma mill-kuxjenza kollettiva. Fejn kull tifel u tifla jitgħallmu li annimal mhuwiex ġugarell imma ħabib li jħoss. Fejn il-kelma ‘benesseri’ tfisser verament ħajja aħjar għall-annimali.“
Il-ħidma tagħha se tiffoka fuq edukazzjoni, infurzar, komunikazzjoni u kollaborazzjoni. “Se nkun disponibbli għal NGOs, attivisti, feeders, professjonisti, ċittadini u stakeholders kollha. Irridu nimxu ’l quddiem flimkien. Se nisma’, se naġixxi, u kull pass irid iħalli impatt li jiswa.”
Dr Abela wkoll irringrazzjat lill-predeċessura tagħha, Alison Bezzina, għall-ħidma siewja tagħha. “Hi waqqfet pedamenti b’saħħithom u jiena se nibni fuqhom. Kull wieħed minna hu parti minn katina li trid tkompli tissaħħaħ.”
Temmet tgħid li l-esperjenzi tagħha mal-annimali tawha kuraġġ u umiltà. “Meta tħares f’għajnejn kelb li salva ħajtek, tifhem li l-imħabba tagħhom hija purissima. L-annimali ma jitolbux ħafna – imħabba, sigurtà u rispett. Jekk kulħadd jagħti dawn it-tlieta, ikollna soċjetà aktar ġusta u sħiħa.”
“Il-protezzjoni tal-annimali mhijiex biss kwistjoni ta’ liġijiet imma ta’ valuri umani. L-annimali jgħinuna nkunu aħjar bħala bnedmin. Kemm jekk hu kelb abbandunat, qattus midrub jew żiemel anzjan – kull wieħed jixraqlu ħajja b’dinjità.”

