Sunday, March 22, 2026

Il-Benesseri tal-Edukaturi prijorità

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, ippubblika Strateġija għall-Konsultazzjoni pubblika. Strateġija li tiffoka fuq il-benesseri tal-edukatur. Din hija strateġija oħra li bdiet mill-qiegħ nett tinbena mill-edukaturi.

L-istrateġija hija pass ieħor li tkompli tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru, kif kien tħabbar meta tnediet l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024–2030 u kif tistabbilixxi tajjeb ukoll il-Viżjoni Malta 2050. Anki fis-settur edukattiv, il-politika mfassla qed tpoġġi fiċ-ċentru l-aqwa riżors li għandu dan il-pajjiż, ir-riżors uman. 

Għalhekk naqblu li din l-Istrateġija hija wkoll pass importanti ieħor fil-viżjoni trasformattiva tas-sistema edukattiva ta’ Malta. Strateġija li se tassigura li l-edukatur ikompli jkun fiċ-ċentru ta’ dik li hija s-sistema edukattiva.

Fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien, il-viżjoni tal-Gvern għal dan is-settur kienet ċara. Fejn jidħlu l-edukaturi kien rikonoxxut li dawn huma s-sewwieqa tat-tagħlim li jwassal għas-suċċess ta’ wliedna. Għalhekk il-viżjoni kienet li l-aqwa investiment li l-Gvern seta’ jagħmel kien is-sostenn lill-edukaturi. Fuq kollox, is-suċċess ta’ wliedna jiddependi mill-kontribut imprezzabbli li jagħtu l-edukaturi.

Infakkru li bħalissa l-edukaturi qed igawdu minn ftehim kollettiv bla preċendent. Ftehim kollettiv li tejjeb mhux biss il-qagħda finanzjarja tagħhom, imma wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Madankollu l-benesseri mhumiex biss il-kisbiet finanzjarji.

Għalhekk nagħtu appoġġ lil strateġija li se taħseb ukoll fl-ambjent edukattiv. U dan l-ambjent ħadd ma jista’ jkun jafu mill-qiegħ ħlief l-edukaturi nfushom. Għalhekk huwa żgur li l-edukaturi japprezzaw li din l-istrateġija inbniet minnhom stess u minn dawk li qed jinżammu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan is-settur – kapijiet tal-iskejjel, deputati kapijiet flimkien ma’ imsieħba u kumitat interministerjali.

Qed ikun attwat wkoll fil-prattika dak li l-Gvern jemmen fih bil-fatti, li l-edukaturi għandu jkollhom rwol akbar ta’ policy-makers u għalhekk għandhom ikunu integrati aħjar fir-riċerka u fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Permezz tad-dokument Educators as Policy Makers, qed ikompli jissaħħaħ id-djalogu mal-edukaturi minn oqsma differenti biex kull bidla intiża biex ittejjeb is-sistema edukattiva preżenti, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-futur tal-professjoni tagħhom, tkun l-ewwel nett diskussa magħhom.

Issa l-poplu qiegħed jiġi mistieden biex jagħti l-opinjoni tiegħu. Għaliex anki l-ġenituri jew kustodji ta’ uliedna għandhom sehem importanti f’dak li huwa ambjent edukattiv, il-benesseri tal-edukaturi fit-tieni dar tal-istudenti – fl-iskejjel.

Din l-istrateġija hija pass ieħor li permezz tagħha se jkomplu jibbenefikaw kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti, għaliex hija parti mill-impenn jissaħħu l-benesseri tal-edukaturi u jittejjeb is-sodisfazzjon tagħhom fix-xogħol u fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Strateġija li tħares biex bis-sehem attiv tal-edukaturi, il-ġenituri u l-istudenti nfushom tkompli tinbena sistema edukattiva aktar inklussiva u li tiżviluppa l-kwalitajiet u l-potenzjal ta’ kull tifel u tifla.

Il-viżjoni ewlenija ta’ din l-Istrateġija hija li edukatur b’saħħtu kemm mentalment u wkoll professjonalment iwassal għal ambjent edukattiv aħjar għall-istudenti.

 Hija wkoll strateġija li tkompli tibni fuq dak li kien imwiegħed meta sentejn ilu tnediet l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni u kien tħabbar li l-edukaturi se jkollhom ukoll strateġija li tiffoka fuq il-benesseri tal-edukatur. Illum qed inniedu dan id-dokument u qed inwasslu messaġġ ċar, li aħna rridu li l-tagħhom.

L-investiment fil-benesseri tal-edukaturi huwa investiment dirett mhux biss fihom, imma fil-futur tal-istudenti u tas-sistema edukattiva ta’ Malta, u għalhekk investiment fil-pajjiż kollu kemm hu. Fuq kollox hija wkoll strateġija li tirrappreżenta pass importanti lejn sistema edukattiva aktar sostenibbli, inklużiva u ta’ kwalità għolja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport