Saturday, October 26, 2024

Il-Biċċerija Pubblika tiftaħ il-bibien tagħha għall-pubbliku għall-ewwel darba f’125 sena

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tal-Festa tal-Majjal, il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali​​ Anton Refalo qal li, “Wara investiment ta’ iktar minn 10 miljun ewro fl-aħħar għaxar snin, u ristrutturar sostanzjali fl-impjant, fin-nies u fil-kwalità tal-iġene, nistgħu niftħu l-bibien tal-Biċċerija Pubblika għall-pubbliku inġenerali, u nagħtu ċ-ċans li wieħed jara b’għajnejh l-iġene f’dan il-post u japprezza l-enfasi li nagħtu lill-kwalità tal-produzzjoni agrikola lokali”.

Din kienet l-ewwel darba f’125 sena, li l-Biċċerija Pubblika fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku inġenerali. Il-Festa tal-Majjal ittellgħet bħala parti mill-inizjattivi li qed jittellgħu f’dan l-impjant fil-Marsa, fl-okkażjoni tal-għażla ta’ din il-lokalità bħala l-Belt Kapitali tal-Kultura.

Il-Ministru Refalo fakkar li l-Festa tal-Majjal tibni fuq it-tliet pilastri li fuqhom tfassal dan il-programm ta’ inizjattivi, il-wirt agrogastronomiku, il-wirt industrijali u l-komunità tal-Marsa.

“Il-majjal ta’ Malta huwa prodott tradizzjonali li jmur lura mijiet ta’ snin. Kien u għadu parti integrali mid-dieta tagħna l-Maltin u l-Għawdxin”, qal il-ministru filwaqt li spjega li l-majjal jammonta għal madwar 80 fil-mija tal-produzzjoni ta’ laħam mill-Biċċerija Pubblika. “Huwa l-ingredjent bażiku ta’ numru ta’ prodotti tipiċi Maltin li jvarjaw mill-kirxa għaz-zalzett tal-Malti, għall-mazzit u għadd ta’ platti oħrajn.”

Għall-ewwel darba wkoll, il-pubbliku seta’ japprezza mill-viċin it-torri storiku tal-ilma li jinsab fl-istess impjant u li r-restawr tiegħu kien inawgurat iktar kmieni din is-sena flimkien mad-daħla tal-biċċerija wara investiment globali ta’ madwar miljun ewro. Iż-żewġ strutturi ġew ukoll skedati fl-ogħla grad ta’ protezzjoni li jista’ jingħata bini storiku f’Malta.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli spjegat li attivitajiet bħall-Festa tal-Majjal jgħinu f’apprezzament aħjar ta’ wirt storiku bħall-Biċċerija Pubblika li hija ddeskriviet bħala, “Waħda mill-ġawhar moħbija li jarrikkixxu l-lokalità tal-Marsa”.

“Illum wieħed jista’ japprezza kemm kienu ta’ siwi l-investimenti l-kbar li saru matul is-snin f’dan l-impjant, għaliex mhux biss irrestawrajna l-biċċerija, imma dan l-investiment għen ukoll biex tajna ġieħ lill-wirt kulturali Malti,” qalet is-segretarju parlamentari. Żiedet tgħid li l-apprezzament ta’ dan il-wirt jgħin biex jinħolqu fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin valur ġdid, attrazzjonijiet għat-turisti u lill-komunità jagħtuha spunt biex tiġġedded. Dan il-faxxinu jgħin biex dawn l-istess lokalitajiet jkunu ta’ attrazzjoni mhux biss f’mumenti speċifiċi tal-kalendarju, bħall-festa tar-raħal jew xi festa oħra li tiċċelebra prodott jew ieħor, iżda matul is-sena kollha.

Sport