Ikunu boloh il-gvernijiet li jsegwu lill-President Amerikan Trump fl-għajta tiegħu li l-kwistjoni tat-tisħin tal-klima hi frodi enormi. Matul is-snin, Trump kiseb il-ħila li jibni l-argumenti tiegħu fuq falsitajiet ċari u xorta jittieħed bis-serjetà minn miljuni – jekk mhux biljuni. Sakemm dak li jgħid u jagħmel jaffettwa biss il-qagħda ta’ pajjiżu, forsi ma tantx hemm xi tgħid dwar hekk; għalkemm dan hu punt dibattibbli.
Imma meta l-argumenti u l-politika tiegħu jaffettwaw bil-kbir il-qagħda u l-futur ta’ pajjiżi oħra, dawn u l-popli tagħhom għandhom kull interess li ma jaqblux miegħu u jagħmlulu kull reżistenza. Anzi isir l-aqwa interess nazzjonali tagħhom li jagħmlu hekk.
Fl-isforzi meħtieġa biex jinżamm lura t-tisħin tal-klima għandhom jibqgħu proattivi dawk il-pajjiżi li se jinħaqru l-aktar minnha, anke jekk l-agħar effetti se jħossuhom wara li Trump ikun telaq. Fosthom gżejjer imhedda li jinħonqu meta l-livelli tal-baħar jibdew jogħlew. Fosthom Malta.
PRUDENZA FIT-TOROQ
Taħt l-hekk imsejjaħ pakkett għas-sigurtà fit-toroq, l-Unjoni Ewropea (Parlament u Kunsill tal-Ministri) waslet biex tiffinalizza sett ġdid ta’ regolamenti maħsuba fost oħrajn biex idaħħlu miżuri komuni dwar kif sewwieqa ta’ karozzi iridu juru kompetenza fis-sewqan u kif jinħarġu l-liċenzji tas-sewqan. Waħda mill-miżuri iddaħħal il-possibbiltà li sewwieqa ta’ 17-il sena jingħataw liċenzja biex isuqu meta jkunu akkumpanjati minn sewwieq ieħor.
Il-gvern Malti (flimkien mal-Kroazja) għadu jopponi sal-aħħar din il-miżura. F’Malta stess dil-ħaġa ftit ingħatat publiċità. Tifhimha għax tikkuntradixxi l-politika “favur” iż-żgħażagħ li ż-żewġ partiti jistqarru li jsegwu. Ir-raġunijiet li qed jagħti l-gvern huma li fil-firxa konċentrata ta’ toroq f’Malta, miżura bħal din tnaqqas mhux iżżid is-sigurtà fit-toroq, waqt li tmur kontra politika maħsuba biex tħajjar liż-żgħażagħ ma jinvestux f’karozza. Minkejja l-kontradizzjonijiet tagħha, dil-pożizzjoni tal-gvern hi korretta.
MIXI …
Nibqgħu fil-qasam tat-toroq u t-traffiku: Hu minnu li l-anqas fattur li jissemma fih hu tal-mixi. F’dal-pajjiż, l-anqas “vjaġġatur” stmat hu dak li jeħodha bil-mixi… ħafna anqas miċ-ċiklisti li l-aktar jilmentaw dwar it-trattament tagħhom. Issa, wieħed kien jaħseb li f’territorju ċkejken bħal tagħna, il-mixi kellu jitqies bħala l-aktar mod naturali ta’ kif “tivvjaġġa”. Mill-imgħoddi għadhom jintqalu stejjer dwar it-tul “bibliku” tal-mixi li kienu jagħmlu nannietna biex imorru għax-xogħol jew iżuru qrabathom.
Illum l-anqas investimenti jsiru fuq il-bankini. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, dawn aktar qed isiru anke perikolużi, mill-Belt sal-Mellieħa, minn Tas-Sliema sa Wied il-Għajn. Il-Maltin draw jmorru bil-karozza, anke wara l-kantuniera għal pakkett sigaretti. Ħabib qalli: Neħħiha minn moħħok li l-Maltin jiddelettaw bil-mixi. Fl-imgħoddi mxew għax ma kellhomx alternattiva…