Friday, January 30, 2026

IL-BIDLA FIL-KLIMA TURI SNIENHA

Aqra wkoll

Illum jiem wara li pajjiżna u ċ-ċentru tal-Mediterran intlaqat miċ-Ċiklun Harry, qegħdin joħorġu aktar fil-beraħ id-danni li dan ikkawża.  Hemm setturi sħaħ li intlaqtu minn ħsarat kbar fosthom il-bdiewa, is-sajjieda u s-settur tal-akkwakultura. Ma’ dan hemm ħsarat fis-sistema tal-infrasturttura u fit-toroq tagħna. Kien pass tajjeb li l-awtoritajiet konċernati qegħdin jaħdmu biex jikkumpensaw u jgħinu lil dawk milqutin.

M’hemmx dubju li dawk affettwati laqgħu b’mod pożittiv ħafna d-deċiżjoni li permezz tagħha tħabbar il-fond ta’ €1 miljun għall-ħsarat li ġew ikkawżati miċ-ċiklun għal dawk li mhux koperti bl-assigurazzjoni. Dan huwa fond li se jkun qiegħed jassisti ħsarat li saru f’żoni kostali,  villaġġi affettwati minn ilmijiet li telgħu l-art minħabba l-maltemp kif ukoll żoni urbani u residenzjali li kellhom effetti jew ħsarat minħabba siġar u veġetazzjoni li waqgħet u għamlet ħsarat fuq vetturi, ħsarat strutturali, faċċati ta’ djar u servizzi oħra relatati mal-ħsarat ikkawżati mill-maltemp.

Jekk nieħdu l-ġirien tagħna, l-Isqallin, naraw li dan iċ-ċiklun għamel ħerba mal-kosta, minn Portopalo sa Messina, kien hemm żoni sħaħ li spiċċaw infarrkin. Rajna l-belt ta’ Niscemi li partijiet minnha litteralment ċedew u djar kellhom jiġu evakwati għax jinsabu f’periklu li jiġġarrfu.  Rajna ristornati u negozji jiġu litteralment imkissra. Tfarrku infrastrutturi u toroq sħaħ fi Sqallija. Dan kollu jurina ħaġa waħda. Dan iċ-ċiklun ma kienx sempliċement maltempata tax-xitwa. Kienet tfakkira qawwija li dħalna f’era klimatika ġdida mal-kumplament tal-Ewropa u pajjiżi oħrajn. 

Din hi era li hi waħda kkaratterizzata minn ibħra aktar sħan, arja aktar kiesħa fuq l-Ewropa u interazzjonijiet aktar vjolenti bejniethom. L-intensità tal-maltemp, l-għargħar kostali, il-ħsarat fl-infrastruttura u t-tfixkil mifrux kollha jindikaw realtà strutturali li l-politika, ir-regolaturi, il-banek u l-assiguraturi ma jistgħux jinjoraw. Il-bidla fil-klima mhijiex kwistjoni ambjentali biss imma hija riskju ekonomiku u finanzjarju dirett b’impatt fuq l-ekonomija u l-istabbiltà. 

Il-maltempata Harry għandha titqies bħala twissija. Ma nistgħu u m’għandnix inqisuha bħala episodju iżolat, iżda ritratt ta’ dak li jista’ jistenna lil Malta fis-snin li ġejjin. Il-Mediterran qed jisħon aktar malajr mill-medja globali u dan iżid ir-riskji. Mingħajr adattament, l-infrastruttura, is-sistema finanzjarja u s-suq tal-proprjetà se jkunu dejjem aktar esposti. Il-mixja ’l quddiem teħtieġ koordinazzjoni bejn il-gvern, ir-regolaturi, il-banek, l-assiguraturi u s-settur privat, flimkien ma’ viżjoni strateġika fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss fuq fondi Ewropej. 

Il-bidla fil-klima mhijiex xi ħaġa tal-futur li ngħidu issa naraw. Hija l-preżent u nemmnu li għandha tissaħħaħ il-ħidma biex nilqgħu kemm nistgħu għal sitwazzjonijiet bħal dawn. U nilqgħu mhux biss min-naħa ta’ awtoritajiet.

Irridu naraw li aħna stess nikkontribwixxu il-ftit tagħna għall-klima. Billi aħna stess innaqqsu it-tniġġiż. Din mhiex xi ħaġa li ssir mil-lum għal għada. Hemm bżonn bidla fil-mentalità biex innaqqsu l-ħela, niddisponu aħjar mill-iskart tagħna, nirreċiklaw, nużaw l-eneġija b’mod effiċjenti, ninvestu f’enerġija alternattiva u fuq kollox nużaw aktar it-trasport pubbliku. B’dan il-mod aħna ilkoll, kull wieħed u waħda minnha, inkunu qegħdin nikkontribwixxu fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport