Is-sitwazzjoni fl-Iran kompliet teskala b’eluf ta’ ċittadini jitilfu ħajjithom fi protesti li qegħdin isiru kontra r-reġim. F’intervista ma’ IT-TORĊA, Daniel Attard, Viċi President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Iran, saħaq li l-protesti fl-Iran ilhom isiru imma dawn tal-aħħar ġimgħat huma differenti. Filwaqt li jenfasizza li l-protesti juri li s-sistema f’dan il-pajjiż ikkrollat, Attard qiegħed jinsisti li l-kliem Ewropew għandu jissarraf f’azzjoni konkreta għal stabbiltà u ġustizzja fir-reġjun. Fuq kollox qal li l-bidla fl-Iran ma tistax tiġi imposta minn barra iżda, lanqas ma tista’ tiġi injorata. Dawn huma l-mistoqsijiet li għamilnielu:
Xtaqna nistaqsuk dwar l-iżviluppi fl-Iran, fejn il-protesti kontra r-reġim komplew jeskalaw. Kif qed tevalwa s-sitwazzjoni?
Dak li qed jiġri fl-Iran illum m’għadux episodju iżolat ta’ protesti. Huwa sinjal ċar ta’ sistema li kkrollat. Eluf inqatlu. Eluf oħra ġew arrestati. Il-ġustizzja fl-Iran saret strument ta’ repressjoni. Il-protesti li qamu fl-aħħar ġimgħat huma differenti minn dawk tal-imgħoddi. Mhux biss għax kienu mifruxa fuq il-pajjiż kollu, iżda għax jirriflettu realtà ekonomika u soċjali li saret insapportabbli.
Is-sitwazzjoni fl-Iran turi b’mod ċar li l-kriżi mhijiex temporanja. Dak li qed naraw huwa falliment ta’ sistema li m’għadhiex kapaċi twieġeb għall-bżonnijiet tal-poplu tagħha. Il-livell ta’ mwiet, arresti u ripressjonijiet juri li l-Istat qed jiffunzjona kontra ċ-ċittadini tiegħu, mhux għalihom.
X’tip ta’ reazzjoni tistenna mill-Unjoni Ewropea?
L-ewwelnett, reazzjoni konsistenti. Il-valuri Ewropej ma jistgħux jibqgħu fuq il-karta biss. Bħala Viċi President tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għar-relazzjonijiet mal-Iran, qed insegwi din is-sitwazzjoni mill-qrib u qed ninsisti li l-kliem Ewropew jissarraf f’azzjoni konkreta.
Dan ifisser li l-Unjoni Ewropea trid timxi lil hinn minn dikjarazzjonijiet ta’ tħassib u timplimenta sanzjonijiet immirati u effettivi kontra individwi u awtoritajiet li huma responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Fil-fatt, fil-ġimgħa li ġejja, il-Parlament Ewropew se jiddiskuti u jivvota fuq riżoluzzjoni oħra li qed naħdem fuqha u li titlob, fost oħrajn, ir-rilaxx immedjat ta’ dawk miżmuma minħabba li eżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, u azzjoni Ewropea iktar soda u koordinata. Dan huwa pass importanti, iżda għandu jkun segwit b’implimentazzjoni effettiva.
Fl-istess ħin, kull impenn diplomatiku għandu jkun ibbażat fuq kundizzjonijiet ċari u impenn lejn riformi konkreti. Djalogu li ma jwassalx għall-bidla ma jagħmilx sens u ma jservix l-interessi tal-poplu Iranjan.
Il-kwistjoni tal-IRGC tibqa’ ċentrali fid-dibattitu. X’inhi l-pożizzjoni tiegħek?
Il-pożizzjoni tiegħi tibqa’ waħda ċara u konsistenti: il-Korpi tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjani għandhom jiġu meqjusa ta’ li huma.
L-IRGC hija organizzazzjoni bi rwol ċentrali fir-ripressjoni interna u fl-instabbiltà fir-reġjun. Il-klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni terroristika mhijiex biss ġest simboliku, iżda għodda politika u legali meħtieġa biex tintemm l-impunità u jintbagħat messaġġ ċar li r-ripressjoni sistematika għandha konsegwenzi. Dan huwa pass meħtieġ jekk irridu tassew inwittu triq għal bidla serja u kredibbli.
Tara riskji li din il-kriżi tinfirex lil hinn mill-Iran?
Bla dubju. L-instabbiltà fl-Iran għandha konsegwenzi diretti fuq ir-reġjun tal-Lvant Nofsani, b’impatt fuq is-sigurtà, l-enerġija u r-rotot kummerċjali.
Hemm riskji konkreti għall-istabbiltà ta’ pajjiżi ġirien bħall-Iraq, is-Sirja u l-Libanu, partikolarment permezz ta’ atturi u gruppi alleati mar-reġim Iranjan. Fl-istess ħin, kull eskalazzjoni tista’ taffettwa s-suq tal-enerġija u l-provvista taż-żejt u tal-gass.
Dan kollu għandu wkoll impatt fuq is-swieq globali, b’mod speċjali fil-qasam tal-enerġija, u jista’ jkompli jagħmel pressjoni fuq l-inflazzjoni u l-ekonomiji internazzjonali. Għalhekk, dak li qed jiġri fl-Iran mhuwiex biss kwistjoni interna, iżda sfida reġjonali u globali.
Fl-aħħarnett, x’inhu l-messaġġ li trid tibgħat?
Il-messaġġ huwa wieħed ċar: Il-bidla fl-Iran ma tistax tiġi imposta minn barra, iżda lanqas ma tista’ tiġi injorata. Il-poplu Iranjan għandu d-dritt li jfassal il-futur tiegħu mibni fuq il-libertà, id-dinjità u s-sehem tas-soċjetà ċivili kollha.
Irridu niftakru li l-Iran huwa pajjiż b’kompożizzjoni demografika u kulturali diversa ħafna: Kurdi, Ażeri, Għarab, Turkmeni, Persjani, Bahá’í u komunitajiet oħra li flimkien jiffurmaw il-veru wiċċ tal-Iran.
Il-vjolenza u l-biża’ jistgħu jżommu kontroll temporanju, iżda qatt ma huma se jibnu futur sostenibbli.
L-Ewropa għandha tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, mhux billi tipprova tagħti lezzjonijiet, iżda billi taġixxi b’konsistenza, b’ċarezza, u mhux bil-mod selettiv li rajna fl-aħħar xhur.

