Monday, April 28, 2025

“Il-bidu ta’ mixja tal-ġens Malti, tal-ħaddiem” 

Il-GWU u l-Partit Laburista jfakkru s-67 anniversarju mill-istrajk ġenerali tat-28 t'April 1958

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union u l-Partit Laburista lbieraħ fakkru s-67 anniversarju mill-istrajk ġenerali tat-28 t’April 1958. Bħalma jsir ta’ kull sena, saret ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri biswit il-monument fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, li jfakkar lill-“eroj” li kienu ġew arrestati u ntbagħtu l-ħabs fl-istrajk. 

Għal din iċ-ċerimonja attendew il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-membri tal-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri, il-President tal-GWU Victor Carachi u Segretarji ta’ diversi taqsimiet u uffiċjali oħra tal-istess unjin. 

F’din iċ-ċerimonja tfakkret il-qlubija tal-ħaddiema Maltin li 67 sena ilu taw bidu għall-mixja lejn il-ħelsien politiku, ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Din il-ġrajja hija importanti hekk kif tat bidu għat-talba tal-Indipendenza lil pajjiżna mill-Gran Brittanja u proprju għalhekk f’dan l-anniversarju ssir tislima lil dawn il-protagonisti ta’ Malta ħielsa.

Kien proprju l-Kunsill Nazzjonali tal-GWU, f’laqgħa li saret nhar il-25 ta’ April, 1958 li ddeċieda li l-GWU għandha ssejjaħ strajk ġenerali tlett ijiem wara. Fil-ġurnata tal-Istrajk minn filgħodu kmieni deher li l-ħaddiema kienu se jwieġbu bis-saħħa kollha għas-sejħa tal-GWU u dan meta l-pajjiż qam ipparalizzat. Kienu ħaddiema u ħafna żgħażagħ li wrew determinazzjoni liema bħala u mingħajr biża’ u b’militanza kbira ġo fihom ħarġu ma’ Malta kollha jipprotestaw. 

Biex din il-ġrajja storika tibqa’ tkun imfakkra, nhar it-28 ta’ April 2015, il-GWU kienet kixfet ukoll dan il-mafkar fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, wieħed mill-postijiet fejn kienu saru l-irvellijiet. 

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fisser din il-ġrajja storika bħala l-bidu ta’ mixja tal-ġens Malti, tal-ħaddiem, li l-unika ħaġa li talab kien li jkollu l-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema Ingliżi.  

Is-Sur Bugeja tenna li l-GWU kienet ordnat strajk f’ċirkostanzi fejn ma kienx hemm mezzi ta’ komunikazzjoni, però l-ħaddiem tant ried, tant kellu l-ħtieġa li jitla’ ’l fuq, li ma ra xejn aktar ħlief il-ġieħ u l-ħidma li huwa jagħmel. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport