Friday, May 16, 2025

“IL-BIEB TAL-CARITAS KIEN DEJJEM MIFTUĦ GĦALIJA”

... Charles Farrugia li għeleb il-vizzju tad-droga

Aqra wkoll

“Ħabbatt il-bieb tal-Caritas. Laqgħuni b’imħabba kbira u għandhom servizz eċċellenti. Nibqa’ grat lejhom. Issa ilni snin clean mid-droga però xorta bqajt infittex din id-dar – Dar Charles Miceli. Nagħżel li nibqa’ niġi għall-gruppi hawn.” Stqarr dan Charles Farrugia, li rnexxielu jegħleb il-vizzju tad-droga grazzi għall-għajnuna u s-servizzi offruti mill-Caritas. 

Farrugia kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-Fondazzjoni Caritas fejn b’finanzjament ta’ €975,000 fuq tliet snin, se jkun assigurat l-għoti ta’ servizz minn Dar Charles Miceli. Dan l-aħħar ftehim jinkludi fih żieda ta’ €178,500 fuq dak preċedenti, ekwivalenti għal aktar minn 22%.

Fil-kummenti tiegħu, Farrugia jgħid li ftehimiet ta’ din ix-xorta jagħtu serħan il-moħħ lil persuni li bħalu kienu mirkuba mill-vizzju tad-droga billi dan huwa servizz bla ħlas. “Din saret parti mid-dar tiegħi. Il-familja kuntenta ħafna bija li wasalt għal dan il-pass. Però llum nemmen ħafna fija nnifsi. Nara bidliet kbr fija,” huwa temm jgħid. 

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li dan il-Gvern jadotta politika li tgħin lil kulħadd, anke jekk huma minoranzi u ma jirrapreżentawx il-maġġoranza tas-soċjetà.

“Ma nistgħux nsegwu politika tal-ixkupa u l-pala, u nitfgħu taħt it-tapit. B’hekk nistgħu biss inkabbru l-problema u ċ-ċrieki vizzjużi li jkunu esposti għalihom dawn il-persuni’’, stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Iż-żmien ta’ rijabilitrazzjoni f’Dar Charles Miceli huwa fażi ferm importanti, magħrufa aħjar bħala After-Care. Huwa l-perjodu fejn dawn il-persuni jerġgħu lura fis-soċjetà, jintegraw u bilmod il-mod jkunu esposti għall-ħajja komunitarja.

Hawnhekk toħroġ l-importanza ta’ reżiljenza li dawn il-persuni jkunu rabbew tul il-programm li jkunu għamlu, li jippreparhom meta jigu biex jaffaċjaw sfidi soċjali, finanzjarji u anke dawk marbuta mal-vizzju tagħhom.

Min-naħa tiegħu. id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt stqarr li f’din ir-residenza hemm sens qawwi ta’ kullana ta’ familja fejn kulħadd jissaportja lil xulxin anke fl-iktar mumenti diffiċli. Huwa faħħar ukoll l-impenn tal-Gvern sabiex jiżgura li jibqa’ jingħata għajnuna individwali, sapport fit-tul u servizz ta’ professjonisti professjonali 24 siegħa kuljum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport