F’Marzu li ġej,it-Teatru Manoel se jippreżenta ‘1984’, l-ikonika ta’ George Orwell, b’adattament għall-palk, taħt id-direzzjoni ta’ Petra Sant, bħala parti mill-programm tal-Klassiċi tat-TOI TOI.
It-Teatru Manoel se jkun qed jippreżenta produzzjoni ġdida tal-kapulavur distopiku ta’ George Orwell ‘1984’ fis-serje tal-Klassiċi tat-TOI TOI, b’adattatament b’saħħtu minn Robert Icke and Duncan Macmillan.

Minkejja li għaddew sebgħin sena mindu ġiet ippubblikata, 1984 tibqa’ xorta relevanti. Il-produzzjoni ma tnissilx biss dubji fil-poter li għandu jkollu l-istat, iżda wkoll fil-fraġilità tal-verità, il-memorja, u l-imħabba.
Ambjentata f’atmosfera għerja kif ukoll fluwida, il-play issegwi lil Winston Smith, parti li se tkun qed tinħadem minn Edward Caruana Galizia, li huwa msieħeb ’l isfel fil-ġerarkija tal-Partit li qed jiggverna, huwa u jibda jissusspetta fir-reġim li qed jaħkem fuq kull aspett tal-ħajja. Ir-relazzjoni pprojbita ma’ Julia, karattru li qiegħda taħdem Tina Rizzo, tispiċċa att ta’ ribelljoni, f’soċjetà fejn saħansitra l-ħsibijiet privati tal-individwi qegħdin jiġu segwiti. Iktar ma r-reżistenza ta’ Winston tiżdied, iktar jiqlielu l-konsegwenzi, li saħansitra m’hemmx mod kif teħles minnhom.
Din il-produzzjoni l-ġdida taħt id-direzzjoni ta’ Petra Sant, fil-qalb tal-istorja tagħha tenfasizza kumplessità emozzjonali u morali. ‘‘Din il-produzzjoni tikkommetti ruħha għall-istess struttura kemxejn ifframmentata tal-play, u titratta ż-żmien bħala xi ħaġa li mhix stabbli. Nimirħu fost tliet dinjiet distinti: il-Preżent, il-Memorja, u l-Ispazju tal-Osservazzjoni li jittraxxendi lil dak fiżiku ordinarju. Dawn id-dinjiet varji ma jissarfux biss f’ċaqlieq minn żmien għal ieħor, iżda f’bidliet f’kif jopera l-poter’’ tispjega Sant.
It-taqsima tal-Klassiċi tat-TOI TOI, immexxija mill-Manager Kate Fenech Field, hija l-qofol tal-Programm ta’ Tagħlim u Parteċipazzjoni tat-Teatru Manoel. ‘‘Il-produzzjonijiet tagħna tal-Klassiċi joffru l-opportunità li jiġu prodotti xogħlijiet ta’ profondità artistika liema bħalha, li jixprunaw il-ħsieb kritiku filwaqt li jeżaminaw l-imġiba umana, kemm meta din toffri għors lill-udjenza, kif ukoll meta tiskomodaha.’’ spjegat Fenech Field. ‘‘Għal dan l-istaġun għażilna rakkont kontemporanju ta’ Klassika bi profezija li twaħħax.’’
Il-produzzjoni se tkun qed tinkludi lil Alan Paris u Stephen Oliver, lil Nicholas Jackman, Naomi Scicluna, Brendon Thearle, u Alex Weenink. Id-disinn tas-sett huwa f’idejn Adrian Mamo, id-disinn tad-dawl huwa f’idejn Gianluca Bianco, is-sound huwa mmexxi minn Sergio Costa, filwaqt li l-kontenut viżiv ġie ddisinjat minn Dylan Odom.
Il-produzzjoni se tittella’ mill-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu, sal-Ħadd, 8 ta’ Marzu, kif ukoll fit-tmiem il-ġimgħa ta’ wara, is-Sibt, 14 u l-Ħadd, 15 ta’ Marzu. L-età tad-dħul hija minn 14-il sena ’l fuq. Il-biljetti jistgħu jinxtraw online minn fuq is-sit elettroniku: https://teatrumanoel.mt/event/1984/ jew mill-Box Office tat-Teatru Manoel, fejn wieħed jista’ jmur fiżikament, jew billi jċempel fuq in-numru: (+356) 21246389.

