Saturday, November 23, 2024

Il-bijodiversità qed tonqos aktar malajr f’żoni protetti 

Aqra wkoll

Xjentisti ewlenin wissew li l-bijodiversità qed titnaqqar b’għaġġla u aktar malajr fiż-żoni protetti ewlenin milli barra minnhom. Xjentisti jgħidu li din hija “wake up call” għall-mexxejja globali biex jiddiskutu kif iwaqqfu t-telf tan-natura fit-taħditiet Cop16 tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kolombja.

Il-protezzjoni ta’ 30% tal-art u l-ilma naturali sal-2030 kienet waħda mill-miri ewlenin stabbiliti mill-mexxejja dinjin fi ftehim importanti fl-2022 biex tiġi salvata n-natura. Dan ix-xahar il-mexxejja dinjin qed jerġgħu jiltaqgħu f’summit fil-belt Kolombjana ta’ Cali biex ikejlu l-progress u jinnegozjaw ftehimiet ġodda biex iwaqqfu it-telf tal-bijodiversità.

Madankollu, sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ aktar żoni protetti m’humiex iwasslu għal riżultati aħjar għall-bijodiversità, iwissu r-riċerkaturi, fl-aħħar studju tagħhom dwar l-effettività tal-prattiki ta’ konservazzjoni.

Kważi tal-art bl-aktar bijodiversità fid-dinja tinsab f’żoni protetti, iżda l-kwalità ta’ dawn iż-żoni qed tonqos aktar malajr milli hi barra ż-żoni protetti, skont l-analiżi mill-Mużew tal-Istorja Naturali.

Ir-riċerkaturi ħarsu lejn l-Indiċi tal-Bijodiversità, bħala perċentwali bi tweġiba għall-pressjonijiet mill-bniedem. Ir-rapport sab li l-indiċi naqas b’1.88 punti perċentwali globalment bejn l-2000 u l-2020. Ir-riċerka ffokat ukoll fuq l-oqsma kritiċi tal-bijodiversità li jipprovdu 90% tal-kontribuzzjonijiet tan-natura lill-umanità, li 22% minnhom huma żoni protetti.

L-istudju sab li f’dawk iż-żoni kritiċi li ma kinux protetti, il-bijodiversità kienet naqset b’medja ta’ 1.9 punti perċentwali bejn l-2000 u l-2020, u fiż-żoni li kienu protetti kienet naqset b’2.1 punti perċentwali.

Konċessjonijiet għat-tħaffir taż-żejt, tal-gass u tal-minjieri jheddu oqsma ewlenin għall-bijodiversità, kif ukoll territorji Indiġeni. Pereżempju, il-park nazzjonali ta’ Conkouati-Douli huwa wieħed mill-aktar żoni protetti fir-Repubblika tal-Kongo iżda aktar minn 65% tal-park huwa kopert minn konċessjonijiet għat-tħaffir taż-żejt u tal-gass. 

Fl-Amażonja, fil-baċin tal-Kongo u fix-Xlokk tal-Asja, mill-inqas 254,000 kilometri kwadri ta’ żoni protetti huma mhedda mill-esplorazzjoni taż-żejt u l-gass. Aktar minn 300,000 km kwadru ta’ territorji Indiġeni fl-Amażonja jikkoinċidu ma’ konċessjonijiet taż-żejt u tal-gass.

Riċerka reċenti mill-Università ta’ New South Wales f’Sydney investigat art fi 300,000 miż-żona protetta tad-dinja u sabet li l-politika kienet kważi “kompletament ineffettiva” f’ħafna pajjiżi għonja fil-bijodiversità, inklużi l-Indoneżja, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Bolivja, il-Venezwela u l-Madagaskar.

Il-korruzzjoni, l-instabilità politika u n-nuqqas ta’ riżorsi kienu raġunijiet ewlenin għaliex il-liġijiet ta’ konservazzjoni ma ġewx implimentati.

Iż-żoni protetti qed jiġu mhedda wkoll mill-effetti tal-kriżi tal-klima bin-nirien intensi u n-nixfiet drastiċi. L-Awstralja, pereżempju, kellha rekord qawwi ta’ protezzjoni tan-natura fil-parks nazzjonali tagħha iżda fl-2019, ħafna minnhom ġew meqruda bin-nirien.

Sport