Wednesday, December 25, 2024

Il-bilanċ bejn in-negozju u r-resident

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Mhux dejjem faċli illi wieħed jirnexxilu jilħaq kompromess meta hemm żewġ partijiet li l-interessi tagħhom, iktar iva milli le, huma l-oppost ta’ xulxin. Dan narawh spiss u f’diversi okkażjonijiet.

Qasam li wkoll għandu sfida simili huwa dak tal-Gvern Lokali. Il-Kunsilli Lokali ħafna drabi jiġu ffaċċjati bi sfidi jew problemi illi jiġu imposti fuqhom minħabba n-natura taghhom. Żgur li waħda minn dawn l-isfidi hija kif se jinħoloq bilanċ bejn l-interessi tar-residenti u l-interessi tan-negozju. Żewġ setturi li fl-opinjoni tiegħi għandhom bżonn xulxin imma li jaraw l-affarijiet minn lenti differenti.

Xi ħaġa li żgur tmiss, tista’ tgħid lil kull lokalità hija meta jintalbu permessi għal mobile kiosks jew imwejjed u siġġijiet quddiem ċertu stabbilimenti bhala estensjoni tagħhom. Mal-ewwel daqqa t’għajn wieħed ma jara xejn ħażin għaliex kulħadd jieħu gost jieqaf jieħu xi ħaġa għaż-żiffa sajfija. Imma kif jgħid l-Ingliz; “Every action has an equal and opposite reaction”.

Din mhix sfida li ġie ma’ wiċċna llum jew ilbieraħ. Din sfida li ilha tippersisti ghal numru ta’ snin u qajla kien hemm rieda politika li din il-materja tiġi indirizzata. Fl-aħħar jiem rajna azzjonijiet meħuda mill-Awtorità tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet f’dan ir-rigward.

Għal numru ta’ snin, residenti kienu rrabbjati għaliex iħossu li l-interessi tagħhom mhux qed jiġu mħarsa kif suppost. Dan għaliex ħafna drabi, dawk li jagħmlu użu minn dawn il-kiosks jew imwejjed, ma jkunx nies mill-istess lokalità u allura r-residenti jirraġunaw b’mod illi dawn qed jiġu fil-lokalità tagħhom biex joħolqu l-inkonvenjent u xejn iktar. Għaldaqstant, dak li rajna fl-aħħar jiem, jagħti sinjali ta’ tama li qed nifhmu li l-ispazju pubbliku huwa ta’ kulħadd u li biex tpoġġi fuq bank, m’għandekx għalfejn tħallas għax xi ħadd jitfa’ mejda quddiemu biex bilfors ikollok iddaħħal idejk fil-but u tħallas kafè jew xi ħaġa oħra.

Aħna nifhmu li kulħadd irid jiekol u kulħadd għandu dritt jagħmel dak li applika għalih u ġab permess tiegħu. Nifhmu wkoll li f’ċertu staġuni, tkun is-siegħa fejn wieħed jista’ jpatti għal xhur inqas tajbin fejn jidħol negozju u allura jipprova jagħmel il-massimu mis-sitwazzjoni. Però nifhmu wkoll, li bħala Kunsilli Lokali, qegħdin hemm ukoll biex inħarsu l-interessi taċ-ċittadin.

Nemmnu li jrid jinħoloq bilanċ bejn il-ħtiġijiet tat-tnejn u tali bilanċ għandu jintlaħaq b’ċertu linji gwida u regolamenti li għandhom jiġu mħarsa f’kull ħin u bla ebda distinzjoni ta’ xejn. Kien ghalhekk li lura fl-2018, il-Kunsilli kienu ħejjew u ressqu ‘l quddiem numru ta’ proposti li għadhom validi anki għaż-żminijiet tal-lum. Numru ta’ rakkomandazzjonijiet sabiex ikunu bażi ta’ diskussjoni f’attentat li jintlaħaq dan il-bilanċ li qed nitkellmu fuqu.

Proposti

  • Nibdew biex ngħidu li aħna ma naqblux mal-politika ta’ ‘one size fits all’. Nemmnu li kull każ għandu jittieħed fuq il-mertu tiegħu, skont il-lokal, iż-żona fil-lokalità (għax din tista’ tvarja bejn parti u oħra), il-kummenti li jkun qed jagħmel il-Kunsill, kif ukoll l-ambjent immedjat tal-post, speċjalment fejn jidħlu ħinijiet ta’ ftuħ u għeluq.
  • Ninnutaw iż-żieda rapida ta’ siġġijiet u mwejjed relatati mal-industrija tal-ikel. Kif għidt aktar qabel, filwaqt li napprezzaw il-benefiċċji ekonomiċi u lill-klijenti li jieklu ‘al fresco’, ma nistgħux naċċettaw ċertu installazzjoni ta’ għamara jew tined li jibqgħu hemm b’mod permanenti. Dan għandu jieqaf immedjatament.
  • Billi ċertu stabbilimenti qed jagħmlu platforms illi fuqhom jitpoġġew l-imwejjed u s-siġġijiet, f’postijiet li oriġinarjament kienu spazji ta’ parkeġġ, minn magħhom jgħaddi t-traffiku. Dan iwassal illi jekk mejda jew siġġu aċċidentalment bla ħadd jinduna, titressaq lejn it-tarf u taqa’ mill-platform, jista’ jiġi kkawżat inċident illi jista’ jkollu konsegwenzi serji. Mela hawn qed naraw l-aspett ta’ safety li mhux jiġi indirizzat.
  • B’kontinwazzjoni mal-argument ta’ qabel, ma nifhmux kif wiehed jista’ jaċċetta sitwazzjonijiet fejn ikollok persuni bl-ikel fuq il-mejda filwaqt li tkun għaddejja xi karozza tal-linja jew vetturi oħra kbar li jarmu ċertu exhaust fl-arja u propju fuq l-imwejjed tal-ikel.
  • Kuntrarju ta’ dan, għandna naraw kif insibu spazji ġodda li jkunu ddisinjati apposta għal dawn l-imwejjed. Eżempju, jagħmel sens li pjazza fil-qalba tar-raħal tkun mimlija karozzi ipparkjati, jew ikun aħjar kieku dan l-ispazju norganizzawh biex ir-residenti jkunu jistgħu jippassiġġaw fih bla periklu u fl-istess waqt nagħtu spazju lil sidien ta’ ristoranti biex joħorġu l-mejda barra, b’possibiltà li l-pjazez tagħna jinbidlu f’postijiet kulturali u ta’ folklor lokali.
  • Ninnutaw kif l-ispazji tal-parkeġġ qed ikomplu jitnaqqsu b’deterrent għar-residenti taż-żona. Ma nistgħux nibqgħu nagħtu prijorità biss lill-istabbilimenti tal-ikel imma għandna nieħdu inkonsiderazzjoni wkoll il-problema ħolistika tal-lokal rispettiv. Huwa minnu li ċertu lokalitajiet huma żoni turistiċi imma qabel kollox, dawn kienu wkoll żoni residenzjali.
  • Ninnutaw ukoll kif ċertu permessi li joħorġu mhux jirrispettaw ir-relazzjoni bejn id-daqs tal-istabbiliment u iktar u iktar id-daqs tal-kċina tiegħu. Ħafna drabi l-ispazju li jiġi estiż barra jkun jiżboq bil-wisq dan li qed ngħidu u allura nsibuha diffiċli kif sid ta’ stabbiliment jista’ jlaħħaq mad-domanda li jkollu. Dan huwa rifless ukoll fl-ammont ta’ impjegati li jkollu, li ħafna drabi ma jkunx suffiċjenti għall-ammont ta’ mwejjed li joħroġ barra.
  • Ninnotaw kif l-iktar ħaġa importanti f’dan kollu hija l-infurzar. Jekk mhux se jsir infurzar li jinħass li qed isir, tali politika ma tistax tiġi implimentata b’mod tajjeb. Ninnotaw kif ikun hemm stanzi li wieħed tinġibidlu l-attenzjoni, jirrimedja għal ftit u wara jerġa’ jkompli jagħmel dak li kien jagħmel qabel. L-infurzar irid ikun konsistenti u frekwenti.
  • Fuq l-istess linja, qed nipproponu wkoll li min jonqos li jżomm mal-permess li jkollu u r-regoli mogħtija lilu, għandu jiġi mmultat. Meta l-istess stabbilment jiġi mħarrek għall-istess offiża b’mod ripetut, il-multa għandha tikber skont il-każ. Ma jagħmilx sens li jkollna multi ta’ ftit ewro meta bejgħ ta’ mejda waħda ikel tagħmel tajjeb għal dik il-multa. B’hekk biss jonqsu l-abbużi.
  • Nesiġu illi kopja ta’ kull permess u kundizzjonijiet annessi miegħu, għandhom jingħataw kopja tagħhom lill-Kunsilli Lokali sabiex dawn, jekk jidħol rapport, ikunu jistgħu jidentifikaw mill-ewwel jekk hemmx abbuż jew le. Mhux biss, imma l-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jkunu pro-attivi sabiex huma stess ikunu jistgħu jieħdu passi jew jirrappurtaw meta jaraw xi ħaġa li mhix skont il-permess maħruġ.
  • Nappellaw sabiex l-opinjoni tal-Kunsill Lokali tiġi kkunsidrata iktar meta naslu fil-fażi aħħarija ta’ approvazzjoni jew le tal-permessi mitluba. Il-Kunsilliera huma eletti demokratikament mill-poplu u jirrappreżentaw lilu. Għaldaqstant għandhom l-obbligi tagħhom ukoll lejn il-lokalità u dan irid jiġi rispettat.

Konklużjoni

Jekk sistema bhal din tiġi mħaddma b’mod tajjeb, u dawn il-proposti jidħlu fis-seħħ, għandu jkun kuntent kulħadd u jwasslu sabiex jintlaħaq il-bilanċ tant mixtieq. Konvinti li b’sens komun u rieda tajba dan jista’ jintlaħaq. Konvinti wkoll li anki s-sidien tal-istabbilimenti nfushom, għandhom interess li jsir dan għaliex bla dubju ta’ xejn, huma wkoll jieħdu gost jaħdmu f’ambjent fejn m’hemmx ostilità fil-konfront tagħhom, bl-istess waqt li r-residenti japprezzaw meta jiġu murija rispett. Dan iwassal sabiex iż-żewġ komunitajiet jifhmu li għandhom bżonn xulxin u jistgħu jaħdmu flimkien.
 

Ekonomija

Sport