Wieħed jista’ jgħid li s-sigriet ta’ kollox huwa l-bilanċ. Dan kemm fl-istil ta’ ħajja li ngħixu, il-mod kif naħsbu u anke kif nagixxu. Il-bilanċ, jew almenu l-għajta għalih, qiegħed jissemma’ f’diversi kwistjonijiet ta’ kuljum. Issa li ninsabu fl-istaġun tas-sajf, dejjem tqum il-kwistjoni tal-armar ta’ umbrelel u deckchairs fil-bajjiet pubbliċi u dik tal-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-bankini u l-pjazez tagħna u dwar dan is-suġġett qed ikollna anke garr.
Il-poplu u bir-raġun, qiegħed jiddejjaq b’din is-sitwazzjoni. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed jiżdied l-armar fil-bajjiet u fit-toroq tant li l-ispazju pubbliku u l-aċċess tnaqqru. Għalhekk nistaqsu, kemm fil-verità nafu nżommuh dan l-imbierek bilanċ?
Qegħdin nistaqsu dan għax minkejja li kulħadd jipprietka għal bilanċ, xorta waħda għandna sitwazzjoni fejn qisu l-uniku bilanċ li wieħed irid jara li jżomm huwa dak li ma jinqelibx fuq xi ħadd fil-bajja huwa u jipprova jserrep bejn ringili sħaħ ta’ deckchairs u umbrellel jew, li ma jaqax mill-bankina huwa u jipprova jimxi fost nies jieklu fuq il-bankini. Hawn żgur li l-bilanċ irid jinżamm għax inkella, tispiċċa ħażin.
Din is-sitwazzjoni mhiex sostenibbli. Ma jistax ikun li minkejja li l-Gvern joħroġ konċessjonijiet speċifiċi ta’ fejn, kemm u min jista’ jarma deckchairs, umbrellel, siġġijiet u mwejjed, dawn ma jiġux rispettati. Hekk kif hemm min li mis-sebgħa jieħu l-id… jekk mhux il-ġisem kollu.
Nemmnu li dak li huwa pubbliku għandu jibqa’ pubbliku. Naqblu wkoll li min huwa kapaċi jagħti servizz tajjeb u konformi, xieraq li jaħdem. Dan għax is-servizz huwa komdu u fl-istess ħin kulħadd irid jaqla’ lira. Imma, l-għajta kemm tal-pubbliku, tal-għaqdiet ambjentali u anke tal-Gvern hija dik li nsibu l-bilanċ bejn is-servizz li jieħu l-ispazju u l-ispazju għall-pubbliku biex igawdi dak li huwa tiegħu.
Idealment din il-mira niksbuha mingħajr il-ħtieġa ta’ spezzjonijiet, azzjoni u multi. Dan għax nemmnu li l-edukazzjoni u r-rispett huma biżżejjed biex iwassluna li fl-aħħar naslu għal dan il-bilanċ. Bilanċ li żgur se jwassal għat-tgawdija ta’ kulħadd.