Friday, November 15, 2024

Il-binja storika fi Ġnien Romeo Romano se jinbidel f’ċentru t’edukazzjoni għat-tfal ta’ Ekoskola

Aqra wkoll

Il-bini storiku fi Ġnien Romeo Romano se jingħata ħajja ġdida permezz ta’ ftehim bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u NatureTrust – FEE Malta.

Hekk kif GreenServ, sussidjarja ta’ WasteServ, waslet biex tlesti l-ewwel fażi tar-restawr ta’ dan il-ġnien, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbret li binja storika li fiha kien jgħix il-ġardinar tal-istess ġnien, se tinbidel f’ċentru edukattiv b’enfasi fuq l-ambjent.

Il-binja, li qed tiġi restawrata b’investiment ta’ €1 miljun, se tinkludi wkoll ġnien sensorjali maħsub għat-tfal bl-awtiżmu.

Il-Ministru Dalli ppresediet l-iffirmar ta’ ftehim bejn GreenServ, Parks Malta, l-entità li se tkun qed tieħu ħsieb dan il-ġnien meta jitlesta r-restawr, u Nature Trust – FEE Malta, l-għaqda mhux governattiva li tmexxi l-programm nazzjonali Ekoskola. Il-ftehim se jagħti lill-istudenti l-opportunità biex jitgħallmu b’mod prattiku dwar il-ħarsien tan-natura u s-sostenibbiltà.

“Dan il-bini kien oriġinarjament ippjanat li jkun kitchen garden, iżda wara li smajna t-tħassib tal-pubbliku, identifikajna użu ġdid għalih, fi proġett li se jkun qed iressaq lin-nies eqreb lejn in-natura. Ir-restawr ta’ dan il-ġnien, li kien ilu mitluq għal ħafna snin, u ċ-ċentru edukattiv il-ġdid tiegħu, huma xhieda tad-determinazzjoni ta’ dan il-Gvern li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

“Kif ikkonferma l-Baġit 2023,” żiedet tgħid, “is-sena d-dieħla qed inniedu l-programm ta’ seba’ snin ta’ €700 miljun biex noħolqu aktar spazji ħodor ġodda fil-lokalitajiet kollha.”

Richard Bilocca, Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, qal li l-bini tal-ġnien, li oriġinarjament kien iservi bħala r-residenza tal-ġardinar, se jiġi restawrat u adattat għall-attivitajiet edukattivi. Il-bini, magħruf bħala “ir-razzett” se jkun fih ukoll wirja ta’ għodod agrikoli antiki, saqaf imħaddar u stazzjon meteoroloġiku.

Vincent Attard, President Eżekuttiv ta’ Nature Trust, laqa’ l-pjan li dan il-bini jinbidel f’ċentru għal programmi edukattivi. Permezz ta’ din il-binja, l-organizzazzjoni se tilħaq lill-komunità kollha, u mhux biss lit-tfal.

L-ewwel fażi tax-xogħolijiet fi Ġnien Romeo Romano se tkun lesta f’Diċembru. Din se tinkludi xogħlijiet ta’ manutenzjoni u restawr f’parti mill-ġnien li kienet ilha għal ħafna snin magħluqa għall-pubbliku.

Aktar kmieni din is-sena, GreenServ inawgurat żewġ spazji ħodor ġodda oħra, Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta u Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919 fil-Ħamrun. Permezz ta’ Parks Malta u Ambjent Malta, il-Ministeru għall-Ambjent żviluppa jew tejjeb ukoll aktar ġonna f’lokalitajiet oħra.

Ekonomija

Sport