Il-binja li bħalissa se sservi bħala l-Qorti t’Għawdex fiċ-Ċittadella se tinbidel f’ċentru minn fejn titmexxa l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031. Dan wara li ġie ffirmat l-akkwist ta’ binja għall-Qorti ġdida t’Għawdex.
Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri f’diskors li għamel fil-Parlament waqt li kien qed jagħlaq id-dibattitu dwar l-estimi finanzjarji tad-dekasteru tiegħu kif imħabbar fil-Budget 2026.
F’dan il-kuntest, il-Ministru Camilleri żied jgħid li rridu naraw li t-titlu tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura nippreparaw għalih u naraw li nagħmlu minnu suċċess biex jitħalla legat wara dak kollu li dan l-avveniment importanti se jġib miegħu.
“Kunfidenti li l-Belt Victoria u l-bqija t’Għawdex, il-Gvern se jkompli jaħdem biex flimkien nagħmlu suċċess minn din il-gżira,” tenna l-Ministru Camilleri.

