Saturday, January 18, 2025

Il-Birgu jfakkar lill-Ġirbin li tilfu ħajjithom fit-Tieni GWerra Dinjija

Aqra wkoll

Il-parroċċa tal-Birgu fakkret lil Ġirbini li tilfu ħajjithom fl-aħħar gwerra dinjija. B’mod partikolari tfakkru dawk il-Vittoriosani li nhar is-16 ta’ Jannar 1941, waqt l-attakk mill-Luftwaffe Ġermaniżi fuq l-HMS Ilustrious, li kienet fit-Tarzna ta’ Malta għal tiswijiet, is-sagrestija  spiċċat milquta minn bomba u għadd ta’ nies mill-Birgu li kienu qed jistkennu fiha, tilfu ħajjithom. L-unika li salvat minn dak l-attakk qawwi kienet it-tarbija Maria Attard, li għadha mimlija bil-għomor.

Fl-istess attakk bomba ġġarfet ukoll il-kappella tas-sagrament tal-knisja tal-Birgu u ħasset ukoll il-koppla, li aktar tard iġġarrfet. U tliet ijiem biss wara, fid-19 ta’ Jannar 1941, attakk ieħor tal-ajru qered il-knisja storika tal-Lunzjata, biex b’hekk żied mal-qerda li ġarrbet il-komunità tal-Birgu. Is-16 ta’ Jannar 1941 kien il-bidu tal-ewwel attakki ħorox mil-Luftwaffe tal-Forzi tal-Ajru Ġermanizi

Biex ifakkru din il-ġrajja, saret konċelebrazzjoni fil-knisja ta’ San Lawrenz, immexxija mill-Arċipriet Dun Karm Busuttil, u bis-sehem tat-tfal taċ-Ċentru tal-Katekiżmu. Kienu preżenti wkoll il-Pirjol tal-komunità Dumnikana, Patri Aaron Zahra OP u Fra’ Jean-Louis Mainguy, il-Kavallier Residenti tal-Forti Sant’Anġlu. Il-Kan Stephen Attard assista mill-kor.

Wara l-quddiesa saret ċerimonja qasira fuq iz-zuntier tal-knisja f’riġlejn il-Monument tal-Gwerra, li jfakkar lil dawk li tilfu ħajjithom meta waqgħet is-sagrestija. Sar diskors tal-okkażjoni mill-Kunsillier Dr Ian Barbara u t-tberik taz-zuntier. Wara tqegħdu għadd ta’ kuruni tar-rand mill-Kapitlu u l-Komunità Dumnikana u għadd ta’  rappreżentanti tal-għaqdiet tal-Birgu. Andrew Zarb daqq il-Last Post.

Waqt id-diskors tiegħu, Dr Barbara għamel appell liż-żgħażagħ tal-Birgu. Hu qal hekk: “Liż-żagħżagħ tal-Birgu, ngħid dan: l-istorja mhix xi ħaġa li taqraw dwarha fil-kotba jew tisimgħu biha b’kumbinazzjoni; l-istorja ħajja hi fil-ħitan ta’ din il-Belt, fit-toroq li timxu kuljum u fl-istejjer li jgħidulkom in-nanniet tagħkom. L-istorja ħajja hi f’dan il-monument, f’din il-knisja, u fir-reżiljenza ta’ din il-komunità. U hija r-responsabbiltà tagħkom li tgħaddu dan il-wirt lil ġenerazzjonijiet oħra, biex tassiguraw li s-sagrifiċċji li saru hawn fis-16 ta’ Jannar 1941, qatt ma jintesew”.

U lin-nies tal-Birgu fakkarhom li “ċerimonji ta’ tifkira bħal din mhumiex biss biex inħarsu lura fil-passat; iżda għandhom isarrfu f’mument ta’ ispirazzjoni għat-triq ‘il quddiem. Ifakkruna fir-responsabbiltà li għandna biex nġibu ‘il quddiem dawk il-valuri li jsawruna bħala komunità. Dawn iċ-ċerimonji huma sejħa għall- azzjoni għal kull resident tal-Birgu biex jagħmel il-parti tiegħu, biex jibni futur denju li jagħmel ġieħ għal dawk li ġew qabilna”.

Iċ-ċerimonja ġiet fi tmiemha bil-kant tal-Innu Malti mit-tfal taċ-Ċentru tal-Katekiżmu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport