Minn Cristian Muscat
Il-Birgu rebħu l-Aggregate Shield tar-Regatta tal-Vitorja meta fi tmiem eċċitanti, huma rebħu l-aħħar tiġrija li tiġbor fiha l-aktar punti biex għelbu lill-Isla b’vantaġġ ta’ żewġ punti.
Dan ifisser li wara 40 sena huma rebħu x-Shield waħedhom wara li s-sena l-oħra rebħuha flimkien ma’ Bormla.
Kategorija B intrebħet minn Bormla għat-tielet darba konsekuttiva meta filwaqt li huma rebħu l-aħħar tiġrija, il-Kalkara, li dehru li se joħorġu rebbieħa, ma kklassifikawx minħabba li kellhom inċident mad-dgħajsa tal-Birgu.
KATEGORIJA OPEN
Din il-kategorija bdiet bit- tiġrija tad-Dgħajjes tal-Midalji b’taqtiegħa ferm interessanti bl-ekwipaġġ tal-Isla, kompost minn Davison Micallef, Glen Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci, attakkat fuq in-naħa ta’ barra biex eventwalment ħareġ rebbieħ quddiem id-dgħajjes tal-Birgu u ta’ Bormla rispettivament.
Erba’ clubs biss ipparteċipaw fit-tiġrija tal-Frejgatini li ġiet mirbuħa mill-Isla bil- qaddiefa jkunu Clyde Mizzi u Davison Micallef filwaqt li Melvana Micallef kienet it- tmuniera.
Fit-tieni u fit-tielet postijiet daħlu l-Birgu u Bormla rispettivament, b’Marsa jkunu l-uniku club li ma pplejsjax.
Fit-tiġrija tal-Pass ta’ bi Tnejn, il-Bormliżi Clive Casha u Dennis Thornton, reġgħu ħadu x-xettru wara li s-sena l-oħra kienu sfaw megħluba mid-dgħajsa tal- Birgu … biex b’dan it-trijonf issa din il-koppja rebħet 20 minn 21 tiġrija (li jinkludu wkoll it-tiġrijiet ta’ Jum il-Helsien).
Fit-tieni post temmew l-Isla segwiti mill-Birgu.
B’Birżebbuġa skwalifikati għax waslu tard għat-tluq, it-tiġrija tal-Kajjikki ntrebħet mill-Birgu b’mod mill-aktar komdu permezz ta’ Kieron Zammit u Nigel Sant, segwiti minn Marsamxett u Bormla.
It-tiġirja tal-Pass ta’ b’Erbgħa kienet l-aktar mistennija bis-Sengleani kienu favoriti li jirbħu x-Shield.
Iżda l-Ġirbin, permezz ta’ Antoine Brignone, Clyde Cutajar, Clayton Darmanin u Sven Refalo, kellhom ideat oħra li għelbu l-isfida tal-Isla b’nofs dgħajsa, bil-Bormliżi jtemmu fit-tielet post.
KATEGORIJA B
L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ bi Tnejn li ntrebħet mill-Kalkara, bl-aħwa Gilmore u Godwin Buttigieg, jirrepetu s-suċċess tas-sena l-oħra. Huma kienu segwiti minn Marsamxett u l-Birgu.
It-tiġrija tal-Kajjikki ġiet mirbuħa mid-dgħajsa tal- Kalkara bi tliet tulijiet. Din kienet komposta minn Christian Bugeja u Kurt Vassallo biex kabbru l-vantaġġ għal 12-il punt.
Fit-tieni post daħlu Marsamxett segwiti mill-Birgu.
Bormla rebħu t-tiġrija tad- Dgħajjes tal-Midalji b’mod komdu fejn kienu segwiti minn Marsaxlokk u l-Isla rispettivament.
L-ekwipaġġ rebbieħ kien iffurmat minn, Nicholas Paris, Dione D’Amato, Mattia Calleja u Denzel Thornton, b’dawn it-tnejn tal-aħħar kienu wkoll fuq id-dgħajsa rebbieħa.
It-tiġrija tal-Frejgatini tat aktar saħħa lil Kalkara li sa dak il-ħin kienu qed jillidjaw il-klassifika bi 12-il punt fuq Marsamxett wara li fit-tiġrija preċedenti, ma pplejsjawx u għaldaqstant ma ħadu l-ebda punt.
L-ekwipaġġ rebbieħ kien iffurmat minn Kohath Mallia u Ryan Degiorgio bit-tmuniera tkun Deshaja Mifsud.
Fl-aħħar 150 metru, huma bdew jiġu attakkati mid- dgħajsa ta’ Birżebbuġa iżda bdew iżidu l-isforzi tagħhom biex eventwalment ħarġu rebbieħa.
Birżebbuġa, li kienu segwiti minn Bormls, irreġistraw l-ewwel punti.
It-tiġrija tal-Pass ta’ b’Erbgħa kellha terġa’ ssir minħabba li d-dgħajsa ta’ Bormla għaddiet tmiss ma’ dik tal-Birgu. Dan minħabba r-regoli jistipulaw li jekk isir dan u t-tiġrija ma tkunx qabżet il-200 metru, it-tiġrija tkun trid terġa’ ssir.
Din intrebħet minn Bormla permezz ta’ Mattia Calleja, Nicholas Paris, Cleaven Falzon, u Denzel Thornton, segwiti minn Birżebbuġa u Marsamxett.
Ta’ nota huwa l-fatt li fi tliet kwarti ta’ din it-tiġrija id-dgħajjes tal-Kalkara u l-Birgu daħlu f’xulxin biex intemmet kull tama li l-Kalkara setgħu rebħu x-Shield.
Qabel ir-regatta saret it-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa li ntrebħet minn dik tal-Birgu, f’ħin ta’ 7’51”, biż-żewġ qaddiefa jkunu Shazel Grima u Glynis Mizzi, bit- tmunier ikun Dale Scicluna.
Fit-tieni post daħlu l-Isla segwiti mill-Marsa li għelbu lil Birżebbuġa lejn it-tmiem.
Kategorija A
Dgħajjes tal-Midalji
1. Isla 4’47” (20 punt); 2. Birgu (12); 3. Bormla (6)
Frejgatini
1. Isla 6’56” (12); 2. Birgu (8); 3. Bormla (4)
Tal-Pass ta’ bi Tnejn
1. Bormla 5’37” (20); 2. Isla (12); 3. Birgu (6)
Kajjikki
1. Birgu 6’20” (12); 2. Marsamxett (8); 3. Bormla (4)
Tal-Pass ta’ b’Erbgħa
1. Birgu 5’19” (24); 2. Isla (16); 3. Bormla (8)
Klassifika Finali: 62 – Birgu; 60 – Isla; 42 – Bormla; 8 – Marsamxett; 0 – Birżebbuġa, Kalkara, Marsa, Siggiewi
Kategorija B
Tal-Pass ta’ bi Tnejn
1. Kalkara 6’02” (20 punt); 2. Marsamxett (12); 3. Birgu (6)
Kajjikki
1. Kalkara 6’35” (12); 2. Marsamxett (8); 3. Isla (4)
Dgħajjes tal-Midalji
1. Bormla 4’49” (20); 2. Marsamxett (12); 3. Isla (6)
Frejgatini
1. Kalkara 7’02” (12); 2. Birżebbuġa (8); 3. Bormla (4)
Tal-Pass ta’ b’Erbgħa
1. Bormla 5’30” (24); 2. Birżebbuġa (16); 3. Marsamxett (8)
Klassifika Finali: 48 – Bormla; 44 – Kalkara; 40 – Marsamxett; 24 – Birżebbuġa; 10 – Isla; 6 – Birgu; 0 – Marsa, Siggiewi