Avveniment li sar sinonimu mal-konsumatur Malti huwa dak li normalment isir fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru tal-“Black Friday”, jum li fih il-prezzijiet ta’ diversi prodotti jkunu bi tnaqqis konsiderevoli. Dan is-sale tant mistenni din is-sena, minflok qiegħed isir biss fil-jum tiegħu li din id-darba kien imiss il-25 ta’ Novembru, għadd ta’ negozji ddeċidew li jifirxuh tul ix-xahar kollu ta’ Novembru bl-aktar popolari jkunu dawk tal-għamara u l-apparat domestiku. Fost dawn hemm min qiegħed joffri sa tnaqqis ta’ 40 fil-mija mill-prezz oriġinali, kawżi nofs prezz minn dak oriġinali.
Dan is-sit ried ikun jaf għala l-Black Friday evolva fi Black Month, xahar sħiħ u għal dan il-għan tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (SMEs), Abigail Mamo, fejn spjegat li r-raġuni hija biex ikun evitat il-“ġenn” f’dan il-jum li kien karatterizzat minn ħafna traffiku u ffullar fil-ħwienet.
Strateġija li tagħmel sens għal kulħadd
“Il-Black Friday qiegħda tiġi estiża fuq weekend għal ġimgħa u anke għal xahar sħiħ. Ir-raġuni hija l-konvenjenza għall-klijent għax fil-passat kien hemm problemi ta’ traffiku u jkun hemm ħafna ġenn fil-ħwienet u anke bis-sitwazzjoni tar-riżorsi umani li hemm, m’hemmx possibiltà li wieħed jinqeda sew fuq dawn il-ġranet b’aktar impjegati fil-ħwienet. Bl-infrastruttura ta’ Malta u r-risorżi f’kull sens, din hija l-aktar strateġija li tagħmel sens għall-konvenjenza ta’ kulħadd,” elaborat Mamo.
Hija qalet li bil-għan li jżidu l-konvenjenza, il-Kamra tal-SMEs din is-sena ħejjiet sit online apposta fejn l-offerti tan-negozji qegħdin jitpoġġew f’post ċentrali u l-konsumatur jista’ jara dawn l-offerti kollha għall-konvenjenza tiegħu u jippjana kif jixtieq jagħmel in-nefqa tiegħu għall-Black Friday. In-negozji lokali, fil-fatt, huma mistiedna jidħlu f’dan is-sit www.blackfridaymalta.mt biex fih ikunu jistgħu jpoġġu l-offerti tagħhom mingħajr ħlas.
“Bil-Covid-19 warajna qegħdin nistennew sena bla xkiel…”
Abigail Mamo qalet li storikament, ix-xahar ta’ Novembru dejjem kien xahar kwiet ħafna għan-negozju u grazzi għal Black Friday, sar xahar popolari daqs Diċembru. HIja żiedet li, “ġaladarba din il-Black Friday se tkun waqt sena normali fejn avvenimenti se jsiru, din tawgura għal Black Friday tajba ħafna, kif kien isir fis-snin ta’ qabel il-pandemija tal-Covid-19”.
Mistoqsija l-previżjonijiet ta’ bejgħ għal din is-sena, il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs qalet li din is-sena qegħdin jistennew sena bla xkiel għax “il-Covid-19 huwa warajna u se nkomplu ngawdu n-normalità kif ilna għal din is-sena sħiħa. Ovvjament kull sena ġġib l-isfidi magħha u din is-sena ma kienitx inqas. Però, jidher li l-konsum baqa’ b’saħħtu u fix-xhur li għaddew rajna l-konsum ikompli jitla’ fl-livelli tajbin”.
Il-prezzijiet jiddependu mill-prezzijiet minn barra
Min-naħa l-oħra l-konsumatur din is-sena huwa milqut mill-għoli tal-ħajja minħabba dak li qiegħed jiġri barra minn Malta konsegwenza tal-instabbiltà ekonomika li nħolqot mill-gwerra fl-Ukrajna. Għaldaqstant, spjegat Mamo, “din hija raġuni oħra għaliex il-Black Friday trid tiġi kkonsidrata bħala opportunità ħalli wieħed jagħmel ix-xiri li jixtieq jagħmel waqt li jiggwadanja minn tnaqqis fil-prezzijiet”.
“Ġaladarba din il-Black Friday se tkun waqt sena normali fejn avvenimenti se jsiru, din tawgura għal Black Friday tajba ħafna, kif kien isir fis-snin ta’ qabel il-pandemija tal-Covid-19”
Abigail Agius Mamo
Fuq il-prezzijiet, b’mod generali, Mamo qalet li dan jiddependi ħafna kif il-prezzijiet b’mod internazzjonali se jkunu qegħdin jinbidlu fejn jidħol il-prezz taż-żejt, il-ħlas għall-ġarr tal-merkanzija u l-prezz tal-materja prima. Dawn l-affarijiet kollha, s’issa, hemm ġejjieni indeċiż fuqhom,” temmet il-Kap Eżekuttiv tal-SMEs.
Il-Black Friday mil-lenti ta’ konsumatur…
“Inkun ili nistenna u nġemma’ sena biex ninvesti xi ħaġa fid-dar u dan l-aħħar anke bdejt naħseb għal uħud mir-rigali tal-Milied. Il-Black Friday għalija hija opportunità tajba biex nixtri l-bżonnijiet li jkolli bi prezz tajjeb. Prezz li jagħmel aktar sens”. Hekk qal lil dan is-sit konsumtur li bi ħġaru qiegħed diġà jdur il-ħwienet lokali b’lista mhux ħażin li se jkun wieħed mill-eluf ta’ Maltin li f’dawn il-ġranet se jdaħħlu jdejhom fil-but u jixtru.
F’kumment li ta lil talk.mt, dan il-konsumatur li għal din id-darba se jiffoka fuq bċejjeċ żgħar tal-għamara u apparat teknoloġiku, qal li din l-inizjattiva żgur li hija favorevoli għalih li jixtri, kif ukoll iżżid fil-bejgħ tan-negozji lokali b’dawra pożittiva għall-ekonomija tal-pajjiż.
“Idea brillanti li se tkompli tattira aktar klijenti”
Filwaqt li qal li l-prezzijiet fil-Black Friday huma attraenti, innota li huwa minnu li jekk dan isir f’jum wieħed hekk kif ġieli esperjenza huwa, ikun hemm “paniku” kbir. Għaldaqstant, għalih, li din id-darba hemm ħwienet u negozji li firxu l-ġranet li fihom hemm roħs fil-prezzijiet, hija idea brillanti li se tkompli tattira aktar klijenti.
Min-naħa l-oħra, huwa semma’ x-xiri online fejn sostna li l-prezzijiet lokali, anke jekk ikunu mraħħsa, xorta mhux dejjem ikunu kompettivi biżżejjed tant li hemm min qiegħed jagħmel parti sostanzjali tax-xiri tiegħu minn barra minn Malta. B’mod speċjali minn distributuri fl-Ewropa, “il-prezzijiet tagħhom xorta waħda huma aħjar minn dawk lokali. Ovvjament mhux kulħadd jaf jew irid jagħmel xiri online, imma din l-użanza u għarfien ġdid qiegħed jiftaħ is-suq għalina l-konsumaturi. Dan ukoll japplika għall-offerti tal-Black Friday fi swieq barranin u hemm min qiegħed jieħu din l-opportunità ġdida għax-xiri tagħhom bi prezzijiet imnaqqsa sewwa”.