Friday, November 15, 2024

IL-BNIEDEM MA JITLAQX ART TWELIDU TA’ XEJN

Aqra wkoll

Illum niċċelebraw il-Jum Dinji tar-Refuġjati, fenomenu umanitarju soċjo-politiku li jseħħ minħabba konflitti, vjolenza, ksur tad-drittijiet umani, persekuzzjoni, faqar u diżastri ambjentali. Għall-ewwel darba fl-Istorja fuq skala globali għandna aktar minn 100 miljun persuni li ħallew warajhom art twelidhom biex isibu refuġju jew ħajja aħjar f’pajjiż ieħor. Dawn in-nies ma telqux għal xejn art twelidhom. Telqu għax kienu mġiegħla.

L-isfidi kbar li dawn ir-refuġjati jiffaċċjaw fil-vjaġġ tagħhom, kif ukoll fil-pajjiż li jilqagħhom huma kbar u reali. Dan jgħodd ukoll għal dawk li jagħżlu li jiġu f’pajjiżna. L-aktar u l-akbar influss riċenti ta’ refuġjati huwa dak mill-Ukrajna. Kulħadd jaf bihom u bil-gwerra nstigata mill-invażjoni Russa. Seba’ miljun Ukreni ħarbu mill-Ukrajna u minn dawn ġew numru sostanzjali f’pajjiżna. Fil-fatt 337 ċittadini Ukreni ngħataw statut ta’ protezzjoni temporanja mill-Gvern. Pass eżemplari li mexxejja oħra għandhom jimxu fuqu. F’dan il-każ, il-Maltin ħarġu qalbhom f’idejhom bl-għajnuna li taw u għadhom jagħtu lil dawn il-vittmi ta’ gwerra.

Imma, f’Malta l-akbar ammont ta’ persuni li jfittxu refuġju huma l-immigranti ġejjin bil-baħar. Jekk mhux ta’ kuljum, kważi, nisimgħu b’xi dgħajsa viċin mimlija immigranti ddisprati għal port sigur. Fl-2021 l-ammont ta’ persuni li daħlu bil-baħar kien ta’ 832 b’aktar minn nofshom jirriżultaw tfal mhux akkumpanjati. Il-maġġorparti tal-immigranti li qiegħed ikollna huma mis-Sirja, mis-Sudan u mill-Eritrea.

Il-Kummissjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (CoE) għad-Drittijiet tal-bniedem ikkritikat lil pajjiżna talli jinjora jew idum biex jibgħat operazzjonijiet tas-salvataġġ ta’ immigranti f’periklu f’nofs ta’ baħar iżda fl-istess ħin l-Amnesty International ikkonfermat li ħafna mill-immigranti li ddaħħlu Malta mill-baħar ġew salvati proprju mill-Forzi Armati ta’ Malta. L-armata tagħna f’dawn l-aħħar snin evolviet u tħarrġet proprju minħabba missjonijiet ta’ salvataġġ fil-baħar. Mhux ġust li ma jkunx irrikonoxxut u ma jingħatawx ħajr għax-xogħol tant siewi li l-AFM tagħmel hija u taqdi dan id-dmir bil-perikli kollu tiegħu.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tisħaq li r-refuġjati u l-immigranti jistgħu jikkontribwixxu ħafna lejn il-pajjiż li jilqagħhom billi jsostnu l-ekonomija lokali, il-kultura u d-diversità fis-soċjetà. Din trid li jkun hemm kampanji ta’ għarfien u azzjoni dwar l-isfidi li dawn jiffaċċjaw.

Dan is-suġġett imiss pjuttost fil-laħam il-ħaj ta’ xi persuni fostna li għal xi raġuni, mas-snin bdew iħossuhom mhedda min-numru dejjem jiżdied ta’ barranin li jiġu jaħdmu f’Malta fosthom is-Serbi u l-Isqallin, kif ukoll mill-immigranti li wkoll iridu jgħixu f’din l-art tant ħelwa, Malta tagħna. 

Il-problema tinsab f’sentiment razzist u għalkemm ħadd ma jrid jammettih, dan l-element kemm jekk huwa fervexxenti jew inkella moħbi f’mentalità jew f’kummenti bħal ‘Għax dak Għarbi, ‘Għax dak iswed’, ‘Tiċċajtax miegħu għax dak Serb’ jew inkella l-famuża “Go back to your country” (mur lura f’pajjiżek), qiegħed hemm. Hemm min nesa l-kliem “dak proxxmu”, “dawk ħutna” u “għamel il-karità ma’ min huwa fil-bżonn”. 

Aħna naqblu ma’ dak li tisħaq l-Għaqda Dinjija u l-miri tagħha. Nemmnu li bħala pajjiż għandna nħaddnu din l-attitudni pożittiva aktar milli nħossuna mhedda jew urtati li l-barranin se jeħdulna postna jew ix-xogħol tal-Maltin. Nemmnu li għandna nkunu aktar il-poplu ta’ qalb tajba li joffri ospitalità li min huwa fil-bżonn u vulnerabbli. Nifhmu li bħala daqs u riżorsi, pajjiżna huwa limitat imma dan ma jfissirx li l-bibien għandhom jingħalqu kompletament u jkun hemm attitudni negattiva.

Nagħlqu billi nsemmu inizjattiva ta’ min ifaħħar – il-“Malta Migrants Befrieding Programme 2022” mill-organizzazzjoni non-governattiva, il-Ħal Far Outreach. L-għan warajha huwa li tgħaqqad f’attivitajiet lir-refuġjati, lill-immigranti f’eżilju u liċ-ċittadini Maltin biex ikun hemm integrazzjoni b’suċċess f’soċjetà aktar inklussiva u diversifikata. Dik hija l-umanità u dak huwa l-ispirtu li għandna nħaddnu.

Ekonomija

Sport