Raġel li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala l-“Bob Marley ta’ Malta” inżamm taħt arrest preventiv wara li ġie mixli li hedded 12-il uffiċjal tal-pulizija u li għamel ħsara f’karozza.
Adam Samake ta’ 38 sena mill-Kosta tal-Ivorju, iżda li joqgħod f’Santa Venera, tressaq quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Ir-raġel insista fil-Qorti li jitkellem għalih innifsu u li ma kellux bżonn ta’ avukat. Huwa kien mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-pulizija, li kiser il-paċi pubblika u li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ terzi fit-23 ta’ Lulju.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Julia Micallef Stafrace talbet lill-Qorti jekk tistax titkellem f’isem l-akkużat u talbet għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona għal dan.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat, il-Qorti ċaħdet it-talba u għaldaqstant Samake nżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Elisia Scicluna.