Wednesday, October 22, 2025

Il-bodybuilding huwa sport sabiħ li jgħinek tibni karattru sod u ta’ dixxiplina’ – Kayleigh Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?

Ilni nittrenja fil-gym għal dawn l-aħħar ħames snin peró sena u nofs ilu xtaqt xi ħaġa iktar, iltqajt ma’ ħafna nies li jieħdu t-taħriġ tagħhom b’serjetá u dixxiplina kbira u frott tax-xogħol li jagħmlu matul is-snin jaraw ir-riżultati li ħaqqhom. Huwa sabiħ li tidher u tħossok b’saħħtek minn hemm qabbadt kowċ biex tmexxini nilħaq l-potenzjal tiegħi fil-qasam tal-bodybuilding.

X’suċċessi maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta?

S’issa għamilt tliet kompetizzjonijiet – waħda lokali u tnejn internazzjonali bl- ikbar suċċess tiegħi s’issa kienet il-kompetizzjoni ġewwa l-Iżvizzera fejn kwalifikajt fit-tieni post.

Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-bodybuilding f’Malta meta tqis iċ-ċokon tagħna huwa tajjeb … qed ikun hawn iktar żgħażagħ li jitħajru jagħmlu dan l-isport u nemmen li kieku jkun hawn iktar għarfien, din il-komunitá tkompli tikber.

U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

In-numru ta’ gyms f’Malta qiegħed jikber u l-kwalitá qed titjieb ukoll. Dan jgħin biex atleta jkun kapaċi jittrenja u jaħdem lejn l-ambizzjonijiet tiegħu. Kompetizzjonijiet lokali ikun hawn tnejn fis-sena li jagħmlu parti mill-IFBB, fejn anke atleti minn barra minn xtutna jiġu Malta biex jikkompetu. B’hekk l-atleti Maltin ikollhom iċ-ċans li jikkompetu ma’ atleti minn pajjiżi varji f’pajjiżna stess.

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

L-għarfien fuq l-importanza tal-isport żdied, nemmen li ħafna huma dawk li jagħmlu xi tip ta’ sport. Forsi fil-mentalitá għadna daqsxejn lura. Biex tkun atleta tajjeb hemm bżonn dixxiplina u sagrifiċċji kbar, fejn wieħed jagħraf jagħmel li hemm bżonn u mhux dak li għandu aptit. Kulħadd jieħu pjaċir jorqod naqra aktar flok iqum jittrenja filgħodu jew jiekol xi ħaġa tajba kull meta jkollu aptit imma hemm fejn għandha tidħol iktar dixxiplina biex inkomplu nżidu s-suċċessi f’ pajjiżna. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuilding?

Għadni fil-bidu ta’ dan l-isport. Ħa nibqa’ naħdem biex inkompli nilħaq verżjonijiet aħjar tiegħi nnifsi u forsi ‘l quddiem nikkompeti wkoll f’kompetizzjonijiet internazzjonali ikbar tal-ogħla livell.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.

Il-bodybuilding huwa sport sabiħ li jgħinek tibni karattru sod u ta’ dixxiplina. Tapprezza aktar ġismek u dak li kapaċi jagħmel. Għal dawk kollha li jixtiequ jibdew din il-karriera m’hemm xejn li għandha twaqqafhom. Hawn komunitá sabiħa li bilmod il-mod qiegħda tikber u ċerta li ħa jsibu s-sapport meħtieġ! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport