Monday, May 19, 2025

Il-bodybuilding huwa stil ta’ ħajja – Nathan Sciberras

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?

Minn meta kont żgħir dejjem kont tifel daqsxejn imbaċċaċ mhux ħażin u kienu jabqdu miegħi minħabba f’hekk. Tant kemm kont iddejjaqt li nqast wisq f’qasir żmien, sal-punt li ħafna minn nies ħasbuni li kont imradt. Kont ġejt bullied minħabba f’hekk ukoll, mentalment ma kontx kuntent b’ġismi, apparti l-fatt li ma kont b’saħħti xejn. Fiż-żmien tal-lock down tal-Covid-19, spiċċajt nara ħafna filmati tal-bodybuilding fuq is-social media. Għamilt ħafna riċerka waħdi u bdejt nittrenja b’żewġ dumbbells id-dar. Malli fetħu l-ewwel darba il-gyms, bdejt immur u qbadt dieta stretta biex nikber. Minn dak iż-żmien ‘l hawn dejjem bqajt nitgħallem u nitjieb kemm fit-taħriġ u anke fid-dieta, spiċċajt inħobb il-proċess u ddeċidejt li nikkompeti.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Ikkompetejt għall-ewwel darba fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Bodybuilding ta’ din is-sena, fejn ġejt l-ewwel fil-classic physique u t-tieni fil-bodybuilding, u fl- IFBB Diamond Cup (kompetizzjoni internazzjonali li saret hawn Malta) fejn ġejt il- ħames wieħed. Dawn kienu riżultati li mmottivawni bis-sħiħ biex inkompli nimbotta, ikkonfermaw l-imħabba tiegħi lejn dan l-isport, kif ukoll għenuni nkun kburi bija nnifsi u bix-xogħol kollu li nagħmel.

Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?

Sfortunatament, naħseb li għalkemm il-“fitness” inġenerali f’pajjiżna qed isir dejjem iktar popolari, ma tantx hawn min qed jieħu l-pass biex jikkompeti. Naf ħafna nies li għandhom potenzjal kbir peró ma jixtiqux li jieħdu dak il-pass minħabba l-ammont ta’ xogħol, dedikazzjoni u perseveranza li jitlob dan l-isport.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bħala taħriġ ma naħsibx li jiġi offrut uffiċjalment. Jien personalment tgħallimt ħafna mill-affarijiet onlajn u mingħand il-kowċ tiegħi. Apparti minn hekk, tul il- preparazzjoni tal-kompetizzjoni tkellimt ma’ diversi nies u komplejt nitgħallem mill-komunitá.

X’tikkummenta fuq il-president ta’ IFBB Malta, Ralph Decelis?

Il-president ta’ IFBB Malta Ralph Decelis huwa persuna li jkun hemm għall-atleti, jieħu ħsiebhom mill-aħjar li jista’ u dejjem jara kif jista’ jtejjeb dan l-isport f’ pajjiżna. Dejjem sibtu u dejjem weġibli xi mistoqsijiet li kelli jien u nipprepara għall- kompetizzjoni. Wara l-kompetizzjoni kellimtu wkoll u b’dak li qalli, kompla mmotivani biex nibqa’ naħdem.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuilding?

Il-bodybuilding huwa sport li jaffettwalek kull aspett ta’ ħajtek, u kien hemm mumenti tul il-preparazzjoni tal-kompetizzjoni fejn kont qed naħseb dan huwiex l- isport għalija. Peró, nista’ ngħid li jien kburi u kuntent b’dak li ksibt li żgur se nkompli nieħu l-bodybuilding fuq livell kompetittiv. Għalissa għad m’għandiex f’ moħħi meta se nkun qiegħed nikkompeti imma diġá naf li d-darba li jmiss se nkun qiegħed nuri verżjoni tiegħi tant ahjar mill-pakkett li pprovdejt fil-kompetizzjoni li ħadt sehem fiha fil-jiem li għaddew. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.

Il-bodybuilding huwa stil ta’ ħajja. Jekk trid karriera ta’ suċċess, trid tkun lest tagħti kollox: id-dixxiplina ta’ kuljum, is-sagrifiċċji bla waqfien, u l-passjoni li ma tintefa’ qatt. M’hemmx triq facli, oħlom kbir, aħdem iktar, u ftakar li l-akbar kompetizzjoni tiegħek huwa int innifsek! Żomm qalbek mimlija tama u reżiljenza!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport