Wednesday, May 7, 2025

Il-bodybuilding isaħħek anke bħala karattru, fejn tkun iktar dixxiplinat, b’saħħtek mentalment u iktar kunfidenti fis-soċjetá – Glenn Sciberras

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

X’qanqlek biex tibda tipprattika l-bodybuilding?

Is-saħħa mentali u fiżika tiegħi dejjem tajthom prioritá f’ħajti, speċjalment fil-ħajja mgħaġġla tal-lum. Minn meta kelli ħames snien kont nitħarreġ billi nattendi nursery tal-futbol peró ta’ xi 20 sena ħadt deċiżjoni iebsa li nieqaf nilgħab dan l-isport li tant inħobb biex nagħti prijoritajiet oħra f’ħajti. Minnufih bdejt il-gym, u minn dakinhar ‘l hawn ma waqaftx inħares ‘il quddiem. Dawn l-aħħar erba’ snien ħadt sehem f’żewġ kompetizzjonijiet lokali tal-moda fejn fosthom kelli nipprepara tajjeb ukoll fiżikament. Minn wara dawk iż-żewġ espejenzi sbieħ, komplejt naħdem fuq id-dehra fiżika tiegħi, b’ nutrizzjoni u programm ta’ taħriġ minn kowċ professjonali u m’hemm xejn isbaħ u ta’ sodisfazzjon li turi x-xoghol kollu li tkun ħdimt għalih fuq il-palk f’kompetizzjoni tal-bodybuilding.

Kemm ilu li bdejt tittrenja serjament?

Kif irreferejt għalih fl-ewwel mistoqsija, xi tip ta’ attivitá fiżika hi parti minn ħajti. Bħala atleta fil-bodybuilding ilni nittrenja serjament qisu għal din l-ahhar sena, ma’ nutrizzjonista, ‘personal trainers’ u fiżjo-terapistaprofessjonali, matul dis-sena li ili nieħu dan l-isport bis-serjetá.

Kif tiddeskrivi r-rutina ta’ taħriġ tiegħek bħalissa?

Bħalissa qed nitħarreġ bejn ħames u sitt darbiet fil-ġimgħa fejn niffoka fuq kull parti tal-ġisem differenti kull darba. Ħajti bħalissa hija bbażata fuq xogħol, taħriġ, ikel u rqad – erba’ punti fundamentali biex tkompli timxi ‘l quddiem f’dan l-isport.

X’inhu l-għan ewlieni tiegħek fil-bodybuilding bħalissa?

L-aħħar li kkompetejt kienet f’kompetizzjoni lokalment f’Novembru li għadda. Bħalissa l-ambizzjoni tiegħi hi li nkompli nikber fuq dak li ħdimt għalih f’Novembru, u ladarba nerġa’ nikkompeti, inkun iktar preparat u b’fiżika ikbar u aħjar minn dak li kont fl-aħħar waħda. L-għan hu li nerġa’ nikkompeti lokalment u anke internazzjonalment imma dejjem importanti li tkun realistiku, temmen fik innifsek u ma taqtax qalbek.

Kif jirrispondu n-nies fil-ħajja tiegħek għall-passjoni tiegħek għall-bodybuilding?

Mistoqsija tajba. L-istigma fin-nutrizzjoni u d-dixxiplina fit-taħriġ ta’ xi tip ta’ attivitá fiżika f’Malta inġenerali għadna lura, speċjalment fejn tidhol in-nutrizzjoni. Ikun hemm min anke qisu jitkaża bik jew jarak bħala l-‘odd one out’għax tieħu ħsieb il-fiżika u l-iktar ħaġa importanti, is-saħħa tiegħek. Ftit jifhmu kemm isir xogħol, id-dixxiplina u l-konsistenza li jinvolvi dan l-isport.

Ħafna, saħansitra tal-familja kienu sorpriżi meta kkompetejt għall-ewwel darba f’Novembru li għadda, iżda appoġġjawni bis-sħiħ u qlajt ħafna tifħir bl-impenn tiegħi.

Kemm hu importanti l-ikel fil-preparazzjoni tiegħek?

Ikel mingħajr taħriġ tajjeb m’intix se tara l-progress massimu tiegħek. L-istess jekk titħarreġ tajjeb peró ma tagħtix kas in-nutrizzjoni. It-tnejn iridu jiġbdu ħabel wieħed. Dejjem important li tara kif qed jirreaġixxi ġismek bin-nutrizzjoni li tkun qed tiekol u tbiddel fejn hemm bżonn. Preparazzjoni tal-ikel nammetti, tieħu ftit ħin peró tiffranka l-ħin li trid toqgħod taħseb, tixtri u ssajjar ta’ kuljum.

Tħossok motivat kuljum jew hemm ġranet fejn tħossok dgħajjef?

Li ngħid li nħossni motivat kuljum, forsi nkun qed nigdeb. Hemm ġranet speċjalment ftit ġimgħat qabel kompettizzjoni, fejn ma jkollokx enerġija bizzejjed, peró dejjem trid tiftakar minn fejn bdejt u hemm tagħtini motivazzjoni biex inkompli u nirsisti u nkompli nitjieb. Dan l-isport isaħħek anke bħala karattru, fejn tkun iktar dixxiplinat, b’saħħtek mentalment u iktar kunfidenti fis-soċjetá.

X’parir tagħti lil xi ħadd li jixtieq jibda jipprattika l-bodybuilding iżda qed jibża’?

Tibżax tibda żgħir għaliex kulħadd jibda minn x’imkien. Is-sodisfazzjon li filli tippoża quddiem mera waħdek f’xi gym jew id-dar, għal meta tiġi biex tippoza fuq palk, hi espejenza ta’ sodisfazzjon kbir tirbaħ jew le. Li tkun wasalt s’hemm int diġá rebbieħ miegħek innifsek. M’għandek taqta’ qalbek qatt fil-ħajja, u jekk din hi xewqa tiegħek, tinsiex li ħajja waħda għandna!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport