L-ajruplan tat-tip Boeing 737 MAX tħalla mill-ġdid jerġa’ jidħol fis-servizz fl-Istati Uniti wara li x-xahar li għadda tneħħietlu projbizzjoni li kienet ilha fis-seħħ għal dawn l-aħħar 20 xahar minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.
It-titjira 718 tal-linja tal-ajru American Airlines niżlet fl-ajruport ta’ LaGuardia fi New york għall-ħabta tas-1.08 p.m. tal-bieraħ wara li telqet minn Miami madwar sagħtejn u nofs qabel.
Il-kumpanija Boeing assigurat lill-pubbliku dwar is-sigurtà tal-ajruplan wara li f’Novembru ngħata l-approvazzjoni mir-regolatur Amerikan biex jerġa’ jidħol fis-servizz.
Il-Boeing 737 MAX kien ġie pprojbit milli jkompli b’titjiriet wara żewġ inċidenti fatali fi żmien ħames xhur. Fiż-żewġ inċidenti kienu mietu 346 persuna.