Messaġġ awdjo minn raġel li identifika lilu nnifsu bħala l-mexxej tal-grupp terroristiku Niġerjan Boko Haram qal li l-grupp armat kien responsabbli mill-ħtif ta’ mijiet ta’ studenti minn skola fl-istat ta’ Katsina. L-iskola tilqa’ fiha biss studenti subien.
In-numru ta’ studenti maħtufin għadu ma ġiex ikkonfermat.
Il-Ġeneral John Enenche qal li nhar it-Tnejn li għadda 333 student kienu rapportati neqsin wara li ġellieda armati għamlu rejd fl-iskola statali f’Kankara.
Intant l-awdjo kien jgħid li “jien Abubakar Shekau u ħutna huma responsabbli għall-ħtif f’Katsina.”
Il-Boko Haram għal snin sħaħ niedew kampanja vjolenti fil-Grigal tal-pajjiż u fil-pajjiżi ġirien tal-Kamerun, iċ-Chad, u n-Niger. Fl-2014 il-Boko Haram kienet ħatfet mijiet ta’ studenti bniet mill-belt ta’ Chibok.