Fid-dinja tal-investimenti, ħafna drabi l-attenzjoni tkun fuq it-tkabbir dinamiku u l-volatilità tas-suq tal-ishma. Madankollu, għal ħafna investituri f’Malta, il-bond jibqa’ pedament stabbli fil-pjan finanzjarju tagħhom, Spiss huwa kkunsidrat bħala strument affidabbli kemm għall-individwu kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku nazzjonali.
L-għan ta’ dan l-artiklu huwa li jissimplifika l-kunċetti marbuta mal-bonds, u l-bilanċ bejn ir-riskju u r-ritorn.
X’inhu Bond? Ir-relazzjoni bejn min joħroġ il-Bond u l-investitur
Bond huwa forma ta’ self. Meta wieħed jinvesti f’bond, isir kreditur u jkun qed isellef flus lill- entità li tkun qed toħroġ il-bond. Din l-entità li toħroġ bond twiegħed żewġ affarijiet: pagamenti regolari ta’ imgħax, magħruf bħala l-kupun, fuq perjodu stabbilit, u r-ritorn tal-kapital oriġinali f’data speċifika, magħrufa bħala d-data tal-maturità.
Jeżistu żewġ tipi ta’ bonds: dawk sovrani, li jinħarġu mill-Gvern ta’ Malta u magħrufa bħala Stokks tal-Gvern (MGS), bil-għan li jiffinanzjaw infrastruttura pubblika u servizzi nazzjonali; u bonds korporattivi, li jinħarġu minn kumpaniji, minn gruppi ta’ proprjetà lokali, u istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin bħall-Bank of Valletta (BOV) bil-għan li jżidu l-kapital għat-tkabbir, l-espansjoni, jew biex isaħħu l-bażi kapitali regolatorja tagħhom.
Ir-Riskju, ir-Ritorn u s-Saħħa ta’ Min Joħroġ Bond
Ir-rata tal-imgħax (ritorn) li joffri bond mhijiex arbitrarja, iżda hija marbuta direttament mar-riskju li l-investituri jaraw f’min joħroġ il-bond. Aktar ma jkun hemm riskju li l-entità ma tonorax il-ħlas, aktar tkun għolja r-rata tal-kupun li l-investituri jitolbu bħala kumpens.

Fil-każ ta’ bonds korporattivi, li jiffurmaw parti sinifikanti tas-suq Malti, l-investitur għandu janalizza bir-reqqa lil min joħroġ il-bond. Dan huwa kruċjali speċjalment f’suq żgħir bħal ta’ Malta, fejn mhux kull min joħroġ bond korporattiv ikollu klassifikazzjoni internazzjonali tal-kreditu.
Wieħed għandu janalizza:
- Is-saħħa finanzjarja u s-solvenza tal-kumpanija, inkluż il-profitt operattiv (EBITDA) meta mqabbel mal-ispejjeż tal-imgħax u l-proporzjon tad-dejn mal-ekwità.
- Il-kapaċità li l-kumpanija tħallas lura u l-influss tal-flus, fejn wieħed janalizza l-istabbiltà tad-dħul tal-mudell tan-negozju u, fil-każ ta’ kumpaniji holding mhux operattivi, is-saħħa tal-garanti jew tal-assi sottostanti.
- Il-mudell tan-negozju u l-pożizzjoni kompetittiva, fejn, fil-każ ta’ istituzzjoni bħall-BOV, toffri stabbiltà permezz tal-bażi tad-depożiti, il-profittabilità tas-self ewlieni, u mudell modern f’qafas regolatorju b’saħħtu.
Ir-Riskji Ewlenin li Wieħed Għandu Jikkunsidra
Filwaqt li analiżi bir-reqqa ta’ min joħroġ il-bond tnaqqas ir-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas (Credit Risk), fatturi oħra jistgħu jaffettwaw il-valur tas-suq tal-bond.
Wieħed minnhom huwa r-riskju tar-rata tal-imgħax. Meta r-rati tal-imgħax fis-suq jiżdiedu, il-valur fis-suq ta’ bond b’rata fissa, jonqos. Dan jista’ jkun kritiku jekk l-investitur ikollu bżonn ibigħ il-bond qabel il-maturità.
Riskju ieħor huwa dak tal-inflazzjoni, fejn il-kupun fiss li tirċievi jista’ ma jkunx biżżejjed biex ilaħħaq mal-għoli tal-ħajja, u b’hekk jonqos il-valur reali tal-investiment tiegħek.
Hemm ukoll ir-riskju tal-likwidità. Xi bonds lokali, speċjalment dawk li mhumiex magħrufa ħafna, jistgħu jkunu aktar diffiċli biex jinbiegħu malajr mingħajr ma jinżel il-prezz b’mod sinifikanti.
L-Opportunità: Il-Bonds fil-Portafoll Malti
Minkejja r-riskji, il-bonds joffru diversi benefiċċji, speċjalment fil-kuntest Malti. Joffru dħul stabbli u prevedibbli, ideali għall-ippjanar tal-irtirar jew biex jsostnu d-dħul. Joffru wkoll diversifikazzjoni, peress li l-bonds spiss jirreaġixxu b’mod differenti mill-ishma jew il-proprjetà. Meta l-prezzijiet tal-ishma jonqsu, bonds ta’ kwalità għolja jistgħu joffru stabbiltà. Barra minn hekk, jekk jinżammu sal-maturità u ma jkunx hemm nuqqas ta’ ħlas, l-investitur ikun jaf eżatt meta se jirċievi lura l-kapital kollu, xi ħaġa li l-ishma ma jiggarantux.
Għal istituzzjonijiet lokali bħall-Bank of Valletta, il-ħruġ ta’ bonds li jsaħħu l-kapital huwa kruċjali biex il-Bank jibqa’ forza ewlenija fl-ekonomija Maltija, kapitalizzat sew u lest biex jappoġġja lill-familji u n-negozji lokali permezz tas-self.
Meta jmiss li tikkunsidra bond, ħares lil hinn mill-kupun. Ibda billi tħares lejn min joħroġ il-bond. Analiżi bir-reqqa tas-saħħa finanzjarja, il-mudell tan-negozju u l-kapaċità li min joħroġ il-bond ikun jiflaħ iħallas mhijiex biss għażla prudenti imma hija l-pedament ta’ investiment b’suċċess bi dħul fiss.
Jekk tinvesti f’Bonds, il-valur tal-investiment tiegħek jista’ jonqos ukoll u tista’ titlef xi flus jew il-flus kollha li tkun investejt.
Dan l-artiklu huwa għal skopijiet edukattivi biss u ma jikkostitwixxix parir dwar l-investiment. L-investituri għandhom jikkonsultaw konsulent finanzjarju liċenzjat biex jiddeterminaw l-adegwatezza ta’ kwalunkwe investiment għaċ-ċirkostanzi personali tagħhom.
Maħruġ minn Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, Il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju u s-servizzi ta’ investiment f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta) u tal-Att dwar Servizzi ta’ Investiment (Kap. 370 tal-Liġijiet ta’ Malta).

